Tul dawn l-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni politika aggravat sew. Jum wara jum smajna. Għadna qegħdin nisimgħu b’dak li kien sar u dak li llum parti sew minnu għadu mistur. Ngħid dan għax ninkwieta li pajjiżna ġie fil-pożizzjoni preżenti. Il-poplu ma jixraqlux dan. Għal snin twal ħdimna u stinkajna lkoll biex nogħlew fl-istima u mhux niġu mkasbra bħalma aħna.
Dak li għaddejjin minnu jista’ jinbidel. Jista’ jekk naqbdu programm ta’ ħidma bażata fuq il-prinċipji tas-sewwa. Waħda li tneħħi lil min b’xi mod kien responsabbli u ddaħħal nies ġodda differenti. Partit li jħares bi programm elettorali mfassal biex it-telf ekonomiku u soċjali li għaddejjin minnu jinbidel lura f’frott u ġid li jitqassam skont il-ġustizzja soċjali.
Mhix kwistjoni ta’ tpattija jew vendikazzjoni. Hija biss l-għarfien tar-realtà li għandna madwarna. Il-Partit Nazzjonalista mhux wieħed estremista. Mhux wieħed li jieħu d-deċiżjonijiet importanti ta’ pajjiżna b’reazzjoni imma b’riflessjoni. Proprju għalhekk li nagħrfu iktar kemm huwa importanti li naqilbu paġna ġdida. Niftħu kapitlu ġdid fejn min kien b’xi mod involut jimxi pass lura. Min kien parti fl-atti ta’ korruzzjoni. Min kien jaf bihom jew ippermettihom u ma għamel xejn. Min huwa assoċjat ma’ dawn il-persuni. Ngħid fir-raġuni u s-sewwa li għandhom jirriżenjaw u jagħtu spazju għall-bidla li hemm bżonn.
Bħala Kap tal-Oppożizzjoni ninsab inkwetat fuq dak li seħħ. Skandalizzat kif il-kuriduri tal-poter f’Kastilja sfortunatament taħt it-tmexxija ta’ Partit Laburista b’saħħtu, saru l-post fejn il-korruzzjoni u d-delitti l-iktar gravi jgħaddu u minn dak li qiegħed joħroġ jinħmew. Din hi r-realtà li ma tistax tiġi miċħuda. Jew naħdmu fuqha biex nibdluha nkella se nmorru iktar lura.
Il-Partit Laburista huwa partit li ilu jaħdem f’pajjiżna. Dan l-mument storiku mhuwiex fil-paġni tad-deheb tiegħu. Biss irid jaffronta l-barri minn qrunu. Ma jistax jimmaġina li għax keċċa minn fostu eks ministru bħal Konrad Mizzi biżżejjed. Ħafna jafu li mhuwiex waħdu, hemm ħafna oħrajn li qed jinħbew, imma hemm min użah bħala ħaruf tas-sagrifiċċju. L-uniku diskors f’postu li sa issa smajt kien fil-Parlament mill-Ministru Evarist Bartolo meta ddikjara li hemm “qarnita mafjuża”. Din hija l-verità.
Pajjiżna għandu eżamijiet oħra ġejjin quddiemu fix-xhur li ġejjin. Bħalissa huwa f’mument dgħajjef u diffiċli. Fuq naħa l-problemi u konsegwenzi li ġejjin mill-effeti soċjali u ekonomiċi tal-pandemija. Fuq l-oħra dawk bħall-eżami tal-Moneyval li qed ninkwieta fuq l-effetti tant ieħor qawwija tiegħu.
Jingħad x’jingħad dan il-Gvern ta’ Robert Abela li twieled f’ċirkostanzi traġiċi, mhux se jirnexxilu jegħleb il-piż kollu li waqa’ fuqu. Huwa mitlub li jħallas tad-dnubiet mortali ta’ oħrajn. Huwa daħal għaliha. Kien jaf għalxiex daħal għax kien parti minn dak li kien għaddej. Kien fil-Kabinett jara, jisma’, jitkellem u fuq kollox jagħti parir. Il-pożizzjoni tiegħu f’għajnejn diversi hija kompromessa.
Jum wara jum iż-żmien se jibqa’ jagħtina parir. Da parti tagħna mill-Oppożizzjoni dmirna nafuh u se nwettquh. Inwettquh b’attenzjoni, b’moderazzjoni, b’moħħ miftuħ fid-djalogu mal-poplu kollu. Ħidma li minna naħdmu minn issa biex il-passi t-tajba, sodi u ta’ fejda jiġu stabbiliti u maqbula. Ħidma li tibni iktar fil-partit tagħna alternattiva għal dak li għaddej u għal jiem li ġejjin. Determinat li dan id-dmir inwettquh u fl-aħjar livell possibbli. Determinat li nara li naħdmu ma’ aktar Maltin u Għawdxin f’dan il-proġett neċessarju ta’ bidla.
Is-sitwazzjoni hija iebsa u komplikata imma nibqa’ pożittiv. Nibqa’ nħares ’il quddiem biex ikollna futur differenti ferm isbaħ mill-preżent li ninsabu fih illum.
//= $special ?>