Inter sofrew telfa mhux mistennija f’darhom kontra Bologna biex mhux biss ma ħadux vantaġġ mit-telfa ta’ Lazio iżda issa għandhom vantaġġ biss ta’ punt fuq Atalanta. Roma sofrew it-tielet telfa konsekuttiva filwaqt li Brescia, Sampdoria u Genoa kisbu punti importanti fit-taqtigħa kontra r-relegazzjoni.
BRESCIA – Rebħa fondamentali għal Brescia fit-tama li jevitaw ir-relgazzjoni. Huma għelbu lil Verona 2-0. Iż-żagħżugħ ANDREA PAPETTI fetaħ l-iskor fit-52 minuta b’daqqa ta’ ras biex lejn it-tmiem ALFREDO DONNARUMMA għalaq il-logħba minn kontrattakk.
CAGLIARI – Atalanta komplew il-mument pożittiv meta din id-darba għelbu barra minn darhom lil Cagliari 1-0 fis-Sardegna Arena. Wara li Cagliari kellhom gowl imħassar ta’ Giovanni Simeone imbagħad lil Andrea Carboni mkeċċi fis-27 minuta, Atalanta skorjaw il-gowl importanti minn penalty ta’ LUIS MURIEL.
MILAN – Inter komplew jitilfu aktar punti u saħansitra qed jissugraw li jitilfu wkoll it-tielet post wara li kienu megħluba minn Bologna f’darhom bl-iskor ta’ 2-1. ROMELU LUKAKU fetaħ l-iskor fit-22 minuta wara li daqqa ta’ ras ta’ Lautaro Martinez ħabtet mal-wieqfa. L-istess Martinez falla penalty fit-62 minuta wara li Roberto Soriano tkeċċa għal Bologna. MUSA JUWARA ġab id-draw fl-74 minuta b’xutt fil-baxx, biex wara li tkeċċa Alessandro Bastoni għal Inter, MUSA BARROW skorja l-gowl tar-rebħa fil-81 minuta minn kontrattakk.
NAPLI – Napoli rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Roma 2-1 fi Stadio San Paolo, f’dik li kienet it-tielet telfa konsekuttiva għat-tim ta’ Paulo Fonseca. Napoli marru fil-vantaġġ fil-55 minuta bi kross ta’ Mario Rui jsib lil JOSE CALLEJON li daħal tajjeb biex għeleb lil Pau Lopez. Roma ġabu d-draw ħames minuti wara b’xutt fil-baxx u minn barra l-kaxxa ta’ HENRIKH MKHITARYAN iżda LORENZO INSIGNE kellu ħsibijiet oħra fit-82 minuta meta skorja l-gowl tar-rebħa bi ġmiel ta’ xutt minn tarf il-kaxxa.
PARMA – Ftit tan-nifs għal Fiorentina li barra minn darhom għelbu lil Parma 2-1 f’logħba dominata mill-penalties. Fiorentina fetħu l-iskor fid-19-il minuta wara li ngħataw penalty għal fawl fuq Lorenzo Venuti, b’ERICK PULGAR ma żbaljax. Imbagħad kien l-istess ERICK PULGAR li rdoppja fil-31 minuta minn penalty mogħti b’mod identiku. Parma naqqsu d-distakk fid-49 minuta għal fawl ta’ German Pezzella fuq JURAJ KUCKA, bl-istess plejer ma jiżbaljax mill-11-il metru.
ĠENOVA – Tliet gowls fl-ewwel taqsima kienu biżżejjed biex Sampdoria għelbu lil Spal 3-0 fi Stadio Marassi. KAROL LINETTY fetaħ l-iskor wara 12-il minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa. MANOLO GABBIADINI rdoppja fil-45 minuta bi free-kick li ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka biex qabel tmiem l-ewwel taqsima reġa’ kien KAROL LINETTY li kabbar il-vantaġġ b’xutt fil-baxx mill-kaxxa.
UDINE – Genoa rkupraw minn żewġ gowls minn taħt u salvaw punt fi draw ta’ 2-2 kontra Udinese fid-Dacia Arena. SEKO FOFANA fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras fl-44 minuta biex is-solitu KEVIN LASAGNA rdoppja fit-73 minuta b’xutt b’saħħtu mil-kaxxa. Genoa naqqsu d-distakk fil-81 minuta b’gowl tal-veteran GORAN PANDEV minn barra l-kaxxa biex fis-97 minuta ANDREA PINAMONTI ġab id-draw wara li Juan Musso kien salvalu l-ewwel xutt minn penalty.
Serie A
Is-Sibt: Juventus v Torino 4-1, Lazio v Milan 0-3, Sassuolo v Lecce 4-2
Illum: Brescia v Verona 2-0, Cagliari v Atalanta 0-1, Inter v Bologna 1-2, Napoli v Roma 2-1, Parma v Fiorentina 1-2, Sampdoria v Spal 3-0, Udinese v Genoa 2-2
//= $special ?>