Lokali

“Irridu nkunu nafu x’ġara eżatt” – oħt Richmond Tong

Il-familja ta’ Richmond Tong, li miet waqt li madwar ġimgħatejn ilu kien fil-kustodja tal-Pulizija, tixtieq tkun taf x’wassal għall-mewt tiegħu. Huma talbu lill-Qorti sabiex jagħtuhom aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha li qed toħroġ mill-inkjesta maġisterjali.

Richmond Tong ta’ 35 sena residenti l-Imtarfa kien miet matul il-lejl taħt il-kustodja tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana. Huwa kellu bżonn assistenza medika hekk kif deher li tah attakk ta’ aċċessjoni.

Tong kien twaqqaf iktar kmieni matul l-istess lejl mill-Pulizija tal-RIU li kienu fuq ronda u wara li qajmilhom suspett u waqqfuh, saritlu tifttxija fejn instab fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga.

Oħt il-vittma qalet li tħallew fl-għama dwar dak li ġara lil ħuha dakinhar li tilef ħajtu. Minn dak il-jum ma kellimhom ħadd… lanqas telefonata waħda. “Tweġġa’ meta ma tkunx taf x’ġara eżatt” saħqet oħtu f’intervista ma’ The Sunday Times of Malta, hekk kif qalet li ħuha ma kellu ebda kundizzjoni medika.

Oħtu qalet li dakinhar filgħodu, ġie Pulizija d-dar tagħhom biex jagħtuhom l-aħbar li Richmond kien tilef ħajtu. Iżda minn dak il-jum sal-lum, ma semgħu xejn iktar.

Il-Partit Nazzjonalista kien sejjaħ biex immedjatament titwaqqaf inkjesta indipendenti biex jiġi stabbilit x’wassal għal din il-mewt, setgħetx tiġi evitata, min kien responsabbli illi jara li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex tiġi mħarsa saħħet din il-persuna waqt l-arrest tagħha kif ukoll biex jiġi aċċertat illi ġew osservati l-protokolli u l-liġijiet kollha waqt dan l-arrest.