Internazzjonali

Kroazja: Jivvutaw f’elezzjoni dominata minn kriżi tas-saħħa

Il-poplu tal-Kroazja qed jivvota għal Gvern li għandu jmexxi lill-pajjiż minn dan iż-żmien diffiċli ddominat mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-Covid-19. L-elezzjoni qed issir fi żmien meta l-ekonomija nazzjonali ( li hi dipendenti mit-turiżmu) mistennija tonqos bi kważi għaxra fil-mija – bl-iżvilupp għandu jikkostitwixxi l-akbar daqqa ta’ ħarta għal dan is-settur f’għexieren ta’ snin.

Il-Partit Konservattiv HDZ fil-Gvern, li hu mmexxi mill-Prim Ministru Kroat, Andrei Plenkovic, waqt il-kampanja, ftaħar dwar is-suċċess relattiv tal-isforzi tiegħu biex irażżan l-infezzjonijiet bil-Covid-19.

Il-virus sewa l-ħajja ta’ 100 persuna fil-Kroazja, bil-pajjiż jirrapporta mat-3,000 każ ta’ infezzjoni. Madankollu, fl-aħħar ġimgħat kien hemm żieda fil-każi tal-Covid-19 fil-Kroazja fost inkwiet dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa. B’hekk mhux eskluż li  ċ-ċirkustanzi jistgħu jgħinu, ftit jew wisq, biex l-Oppożizzjoni taċ-ċentru xellug tiggwadanja mis-sostenn tal-elettorat.

Filwaqt li Plenkovic qed jittama li l-futur inċert għandu jwassal biex il-votanti jerġgħu jagħtu mandat ġdid lill-HDZ (li ilu fil-poter mill-2016) l-istħarriġ qed juri li la l-partit fil-Gvern u lanqas il-koalizzjoni mmexxija mis-Soċjal Demokratiċi (SDP) ma huma mistennija li jiksbu maġġoranza assoluta fl-Assemblea (Parlament) ta’ 151 deputat, f’Zagreb.

Waqt li s-saħħa tibqa’ issue importanti ħafna, l-ekonomija tista’ toħroġ tassew bħala l-fattur ewlieni li jiddeċiedi l-elezzjoni.

Dan meta ħafna votanti huma għatxana biex jaraw l-uċuħ ġodda fil-Parlament, waqt li l-pajjiż għadu qed jiffaċċja sitwazzjoni ta’ emigrazzjoni fuq skala massiċċa li qed tkun xprunata mis-salarji baxxi u l-livelli ta’ korruzzjoni qalb id-diversi setturi tas-soċjetà Kroata.