Futbol Sport

Liverpool jirbħu u jitfgħu lil Aston Villa f’aktar inkwiet … Manchester City megħluba

(Ritratt: EPA)

Liverpool, iċ-champions il-ġodda tal-Ingilterra, irritornaw għar-rebħ wara d-disfatta ta’ jiem ilu ma’ Manchester City, fejn din id-darba għelbu r-reżistenza ta’ Aston Villa għal riżultat ta’ 2-0 f’Anfield. Filwaqt li r-Reds ta’ Merseyside huma matematikament ċerti mill-ewwel titlu għal dawn l-aħħar 30 sena, Aston Villa jinsabu f’sitwazzjoni tassew iddisprata meta jinsabu t-tielet mill-aħħar fil-Premier League – bl-istess punteġġ ta’ 27 punt bħal Bournemouth iżda b’differenza ta’ gowls superjuri.

Filwaqt li Liverpool ma tawx prestazzjoni mill-aqwa, huma kellhom biżżejjed kwalità biex jisfruttaw l-aħjar żewġ okkażjonijiet tal-partita għal riżultat komdu fiċ-ċirkustanzi. Intant, huma kellhom jistennew sa nofs it-tieni taqsima biex jiżblukkaw ir-riżultat, meta fil-71 minuta Sadio Mane rċieva mingħand Naby Keita qabel avvanza u sab ix-xibka b’xutt qawwi – bil-ballun jaħbat ma’ qiegħ il-mimduda qabel spiċċa ġewwa. Villa dehru maħsuda b’dan  il-gowl, bir-Reds imbagħad, jagħlqu r-riżultat fid-89 minuta mis-sostitut żagħżugħ, Curtis Jones fuq l-assist ta’ Mohamed Salah.

Manchester City kienu megħluba minn Southampton bl-iskor ta’ 1-0 fis-St. Mary’s Stadium. Din kienet l-ewwel darba li Pep Guardiola tilef tliet logħbiet konsekuttivi barra minn daru fil-karriera tiegħu. Che Adams skorja l-gowl tar-rebħa fis-16-il minuta meta qabad barra lil Ederson u qabbeż il-ballun minn fuqu.

Sheffield United salvaw draw ta’ 1-1 ma’ Burnley f’Turf Moor u għal riżultat li ma jissodisfa l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ naħat li qegħdin jittamaw li jikkwalifikaw għall-Europa League fl-istaġun li ġej. Burnley fetħu aħjar u meritatament marru fil-vantaġġ minn James Tarkowski li sammar ġewwa mill-viċin żewġ minuti qabel il-mistrieħ. Iżda l-Blades ħarġu determinati għat-tieni 45 minuta u assedjaw id-difiża tal-Clarets sakemm fit-80 minuta, id-difensur John Egan fajjar xutt sabiħ għar-rokna tax-xibka, fuq l-assist ta’ Billy Sharp u għal punt mistħoqq.

Riżultat ta’ draw ieħor ta’ 2-2 kien bejn Newcastle United u West Ham United f’St James’ Park – bil-Geordies darbtejn isalvaw ir-riżultat kontra l-Hammers li għadhom f’periklu serju li jitilfu posthom mal-kbar. Michail Antonio poġġa lil West Ham fil-vantaġġ wara biss erba’ minuti, b’Miguel Almiron jidħol għall-cross ta’ Emil Krafth biex iwieġeb għal Newcastle fis-17-il minuta. Fit-tieni taqsima, West Ham mill-ġdid kisbu l-vantaġġ minn Tomas Soucek fil-65 minuta iżda r-risposta tal-Geordies kienet immedjata, b’Jonjo Shelvey – minuta u nofs wara jikseb parità għat-tieni u l-aħħar darba.