Atletika Sport

Luke Farrugia jikser ir-rekord nazzjonali tiegħu stess fid-discus

(Ritratt: Dominic Borg)

Wara r-rekord nazzjonali ta’ Luca Martini fil-hammer throw fis-27 ta’ Ġunju, is-Sibt li għadda kien Luke Farrugia li rreġistra rekord nazzjonali fid-discus b’distanza ta’ 51.92 metru u tejjeb bi kważi żewġ metri r-rekord nazzjonali li kellu. L-atleta ta’ Rush AC jinsab taħt it-tmexxija tal-kowċ Antonella Chouhal.

Luke Farrugia mal-kowċ tiegħu Antonella Chouhal (Ritratt: Dominic Borg)

Fit-tieni avveniment konsekuttiv organizzat mill-MAAA, Ian Paul Grech ta’ Pembroke Athleta rebaħ il-100 metru f’11.09 sekonda qabel Jeremy Zammit ukoll ta’ Pembroke Athleta (11.18s) u Warren Zammit ta’ Rush AC (11.30s). Luke Bezzina li rebaħ din id-distanza l-ġimgħa ta’ qabel kellu jieqaf minħabba li kien muġugħ. Grech rebaħ ukoll fil-long jump u kien biss żewġ ċentimetri bogħod mill-qabża ta’ seba’ metri li hi meqjusa l-ambizzjoni tal-aqwa atleti Maltin. Jeremy Zammit (6.53m) u Godfrey Sapiano (6.21m) spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Ian Paul Grech (xellug) rebaħ il-100 metru (Ritratt: Wally Galea)

Claire Azzopardi reġgħet rebħet il-100 metru tan-nisa f’12.09 sekonda. Janet Richard spiċċat qabel Sarah Busuttil b’photofinish wara li t-tnejn għamlu ħinijiet ta’ 12.31 u 12.32 rispettivament. Fiż-żewġ każijiet, ir-riħ kien ta’ ftit aktar minn +2 m/s li jfisser aktar mil-limitu approvat. Għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, Azzopardi kisbet doppjetta hekk kif rebħet ukoll il-long jump. B’qabża ta’ 5.99 metru, kisbet l-aqwa riżultat personali. L-atleta ta’ taħt it-18-il sena Rachela Pace kellha qabża ta’ 5.50 metru filwaqt li Kimahri Charles temmet it-tielet b’4.87 metru.

Claire Azzopardi reġgħet rebħet fil-long jump (Ritratt: Wally Galea)

Graham Pellegrini ta’ Pembroke Athleta li għadu fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena, wettaq l-akbar sorpriża tal-ġurnata. Hu rebaħ l-400 metru tal-irġiel fi 52.06 sekonda biex għeleb l-isfida ta’ atleti ta’ esperjenza bħal Matthew Croker ta’ Savio Athletic Club (52.20) u Krestien Micallef ta’ Rush AC (52.48).

“Huwa ta’ kuraġġ kbir għalina li naraw dawn ir-riżultati mill-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ atleti. Dan isaħħaħ il-konvinzjoni tagħna li l-atletika f’Malta għandha futur mill-aqwa,” qal il-President tal-MAAA Andy Grech. Wara dawn iż-żewġ avvenimenti ta’ suċċess, is-Sibt li ġej 11 ta’ Lulju l-MAAA se tiddedika s-sessjoni għall-atleti ta’ taħt is-16-il sena.