Lokali

Min hu s-sid ta’ MacBridge?

L-imprenditur Yorgen Fenech diġà kellu għarfien dwar il-kumpanija MacBridge, u kien lest li “jikxef il-ħmieġ” dwar din il-kumpanija sigrieta, li sa issa, għadna ma nafux min hu s-sid tagħha.

Dan kollu minn rappurtaġġ fil-gazzetta MaltaToday illi qalet li Yorgen Fenech, l-istess persuna li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kellu informazzjoni li MacBridge u l-kumpanija tiegħu 17 Black kellhom għan  li “jservu klijenti ewlenin”, fejn il-banek rispettivi ta’ dawn il-kumpaniji kienu jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, Tillgate u Hearnville.

Ir-rapport ikompli li Yorgen Fenech kien jaf għaliex din il-kumpanija kienet inħolqot, u kien jaf ukoll is-sid tal-istess kumpanija.

Infatti sal-ġimgħa li għaddiet, anke l-Prim Ministru Robert Abela kien mistoqsi dwar Macbridge…

Il-MaltaToday tirrapporta wkoll li l-pulizija għandha ħjiel li MacBridge tfisser Malta and China Bridge, fatt li skont il-gazzetta jista’ jorbot mal-intricci li l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat kellha maċ-Ċina.

L-istess rapport għalaq li dawn ir-rivelazzjonijiet ta’ MacBridge ma kinux diskussi bejn laqgħa li kienet saret bejn il-pulizija u l-Kabinett fit-28 ta’ Novembru li għadda.