Lokali

11-il għaqda isejħu għat-tneħħija ta’ Chairperson tal-PA

Ħdax-il għaqda qegħdin isejħu għat-tneħħija Simon Saliba minn Chairperson tal-Kummissjoni tal-Ippjanar minħabba li fixkel id-dritt għall-proċess tal-ippjanar ġust.

Fi stqarrija, l-għaqdiet qalu li Simon Saliba wera diżrispett b’mod konsistenti lejn residenti u persuni oħra li jkunu oġġezzjonaw waqt seduti tal-Awtorità tal-Ippjanar u ta’ spiss żamm, b’mod miftuħ u aggressiv, mal-iżviluppaturi minflok ma qeda dmiru bħala arbitru imparzjali.

L-aġir tal-eks kandidat Laburista huwa parti minn xejra rikorrenti. L-għaqdiet fakkru x’ġara waqt l-applikazzjoni tal-moll għall-katamaran fil-Balluta, meta wara li ddikjara li l-permess se jkun rifjutat, Simon Saliba malajr biddel id-deċiżjoni għal waħda ta’ approvazzjoni waqt seduta fejn beda jġib ruħu qisu kien l-avukat tal-iżviluppaturi.

F’każ ieħor, sa talab li waħda mir-residenti tiġi skortata barra mis-seduta sempliċiment għax insistiet dwar id-dritt tagħha li toġġezzjona. Bl-aħħar każ ikun nhar il-Ġimgħa li għadda, meta Saliba għalaq il-mikrofonu ta’ attivista waqt li kienet qed tagħmel intervent kontra binja ta’ appartamenti fuq sit ta’ importanza arkeoloġika fil-Kalkara, b’mod li l-kontribut tagħha ġie ċċensurat.

“L-attitudni apertament ostili tas-Sur Saliba tagħmilha ċara li ma tantx għandu rispett lejn l-għaqdiet u lejn il-pubbliku, li mhux biss għandhom id-dritt imma anki d-dmir li jħarsu l-wirt kulturali,” tennew l-għaqdiet.

L-istqarrija tkompli li l-attitudni arroganti u l-mentalità antikwata ta’ Saliba, flimkien mad-difiża konsistenti tiegħu tal-interessi tal-iżviluppaturi minflok tal-ġid komuni, tistona ħafna mal-bidu ġdid imwiegħed mill-Ministru Aaron Farrugia.

L-Għaqdiet talbu formalment għat-tneħħija ta’ Simon Saliba mill-pożizzjoni tiegħu u għall-ħatra ta’ Chairperson li jista’ jmexxi ‘l quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fl-interess tal-pubbliku.

L-istqarrija kienet iffirmata minn Bicycle Advocacy Group, Birdlife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, GreenHouse Malta, Malta Youth in Agriculture, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers Association of Malta u The Archeological Society of Malta.