Internazzjonali Lokali

FILMAT: Il-Prim Ministru Libjan f’Malta

L-ewwel laqgħa bejn Fayez al-Sarraj u Robert Abela wara li l-Gvern ħallas eluf ta’ ewro kuljum biex aktar minn 400 immigrant irregolari nżammu f’nofs ta’ baħar abbord 4 bastimenti

Il-Prim Ministru Libjan Fayez al-Sarraj għamel żjara ta’ ftit sigħat f’pajjiżna, fejn iltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela u l-President George Vella, fost l-oħrajn.

Milqugħ f’Kastilja, il-Prim Ministru Libjan iddeskriva lil pajjiżna bħala ġar ħabib ta’ pajjiżu, biż-żewġ Prim Ministri jagħmlu referenza partikolari għall-isfidi li ġġib magħha l-immigrazzjoni irregolari.

Al-Sarraj hu l-ewwel Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern li ġie f’pajjiżna kemm ilu li Robert Abela nħatar Prim Ministru. Min-naħa tiegħu, Abela għażel dan il-pajjiż għall-ewwel żjara tiegħu barra minn xtutna.

Fil-fatt, il-Prim Ministru kien żar il-Libja fil-perjodu li pajjiżna wkoll kien qed jiffaċċja l-pandemija tal-Coronavirus. Madankollu, dakinhar, ħafna kienu nnutaw in-nuqqas ta’ lbies ta’ maskri protettivi mid-delegazzjoni Maltija. Min-naħa l-oħra, waqt iż-żjara f’Kastilja, wieħed seta’ jinnota kif parti sostanzjali tad-delegazzjoni Libjana kienet liebsa l-maskri.

Fid-diskors tieghu, il-Prim Ministru Abela qal li jħoss li l-Maltin huma aħwa tal-Libjani, kif ukoll li Malta tafda lil-Libja … dikjarazzjonijiet fakkru lil ħafna fir-relazzjoni li l-Perit Duminku Mintoff kellu mad-Dittatur Libjan Muammar Gheddafi fis-snin 70.

Dwar l-immigrazzjoni, Abela spjega li Malta se tibqa’ tappoġġja lill-Gvern Libjan, filwaqt li tara li ma jibqgħux jintilfu l-ħajjiet. L-istess Prim Ministru li ħallas eluf ta’ ewro kuljum biex aktar minn 400 immigrant irregolari nżammu f’nofs ta’ baħar abbord 4 bastimenti.