Edukazzjoni Lokali

Għalliema tal-Ingliż jipprotestaw

Għalliema fl-iskejjel tal-Ingliż protestaw għall-mod kif qed jiġu injorati u saħansitra mxekkla milli jiddiskutu ma’ min iħaddimhom fl-iskejjel rispettivi tagħhom.

Hu fatt magħruf li l-iskejjel tal-Ingliż kienu fost dawk li l-aktar li ħassew id-daqqa li ġab miegħu il-Covid-19 hekk kif studenti li kienu jiġu pajjiżna biex jistudjaw il-lingwa, din is-sena ftit li xejn ġew u jidher li anke fix-xhur li ġejjin, dawn se jkunu ferm inqas fin-numru milli jkunu s-soltu fix-xhur tas-sajf.

L-għalliema jinsabu rrabbjati ferm għall-mod kif tħallew għal riħhom; uħud minnhom kemm mis-sidien tal-iskejjel kif ukoll mill-Gvern, li f’xi każi kkalkula l-wage supplement fuq  id-dħul tagħhom għax-xhur ta’ Jannar u Frar.

Dan meta naturalment id-dħul ikun ferm aktar baxx minn dak tax-xhur l-oħra tas-sena, biex uħud minn dawn l-għalliema qed ikollhom jgħaddu b’€260 fix-xahar.

Graham Sansone, Kap Eżekuttiv tal-UPE Voice of the Workers, li kien qed jitkellem f’isem għalliema li ssieħbu fil-union, qal li mhuwiex aċċettabbli li sid ta’ skola tal-Ingliż jibqa’ jirriffjuta li jiltaqa’ mal-union u mal-istess ħaddiema tiegħu sabiex jiddiskuti l-kundizzjonijiet tal-għalliema. aktar w’aktar f’dan iż-żmien diffiċli u meta l-għalliema baqgħu għaddejjin b’xogħolhom fuq l-internet.

Hu sejjaħ għal aktar rispett minn naħa tas-sidien tal-iskejjel tal-Ingliż ghaliex l-ghalliema li dejjem raw li jagħamlu xogħolhom bl-aqwa mod possibbli.