Lokali

Il-bastimenti għall-immigranti swew lill-pajjiż €1.7 miljun

Ebda soluzzjoni dwar 141 immigrant li għadhom qed jinżammu f'Malta

Il-kirja tal-bastimenti li fuqhom inżammu għal ġimgħat sħaħ 425 immigrant irregolari swew lil pajjiżna €363,440. Din l-ispiża kienet tikkonsisti fi €3,000 kuljum għal bastimenti tal-Captain Morgan u €6,500 għal bastiment tas-Supreme Travel.

Dan sar magħruf fi stqarrija maħruġa illum mill-Gvern.

Fl-istqarrija intqal ukoll li kien hemm żewġ kumpaniji oħra li kienu kkuntatjati biex jipprovdu dan is-servizz, iżda ma kinux interessati.   

Il-provvisti u servizzi marbuta ma’ din l-operazzjoni swew b’kollox €212,646.12.

Għal dan il-għan, tqabbdu 33 kumpanija u negozji differenti li jipprovdu ikel u xorb, prodotti sanitarji u ħwejjeġ, fost oħrajn.  Il-kirjiet ta’ dgħajjes biex jitwasslu l-provvisti swew €87,741 u kien hemm infiq ta’ €10,908.12 fuq proċeduri ta’ diżambarkazzjoni. 

Kien fil-bidu ta’ Ġunju meta ddaħħlu Malta l-425 immigrant illi kienu qed jinżammu fuq erba’ bastimenti f’ibħra internazzjonali – operazzjoni li b’kollox swiet €1.7 miljun.

L-immigranti kollha ddaħħlu fix-xatt tal-Isla, u tniżżlu minn fuq il-bastimenti Europa II, Jade, Bahari u Atlantis.

Intant, il-Gvern ħabbar li beda l-proċess sabiex 204 immigrant jiġu rrilokati lejn pajjiżi oħra. Hemm ukoll mat-tmenin immigrant li dwarhom jeżisti “impenn politiku” bejn Malta u l-UE.

Dan ifisser li sa issa ma instabet ebda soluzzjoni dwar 141 immigrant li għadhom qed jinżammu f’Malta