Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn gallarija u spiċċa fuq karozza

Raġel Ingliż ta’ 41 sena residenti Marsaskala qed jissielet għal ħajtu wara li waqa’ minn għoli matul il-lejl li għadda.

Stqarrija tal-Pulizija tgħid li l-inċident seħħ fl-Isla għall-ħabta tas-2.10a.m. Il-Pulizija tad-Distrett marru fi Triq il-Ħabs l-Antik fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel waqa’ minn gallarija ta’ appartament fit-tielet sular u spiċċa fuq is-saqaf ta’ vettura.

Fuq il-post issejjaħ ukoll tim mediku li ħa lir-raġel l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. Dwar dan il-każ se tinfetaħ inkjesta fil-ħin li ġej u l-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ.