Lokali Parlament

Jeħtieġ miżuri favur karozzi bl-elettriku

David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li fil-pajjiż jeħtieġ miżuri favur karozzi bl-elettriku.

Fil-parlament David Thake qal li ż-żgħażagħ u t-tfal tal-lum jifhmu l-importanza tal-ambjent. Hu sostna li l-karozzi qed iniġġsu l-aktar u għalhekk jeħtieġ li din il-problema tkun indirizzata bilfors. Sal-2030 Malta trid tnaqas l-emissjonijiet b’40% fuq l-1990, sostna David Thake, li kompla li fl-aħħar seba’ snin il-gvern ma spirax fil-politika dwar il-klima.

Minkejja li kien hemm tnaqqas fit-tniġġiż meta saret il-bidla mill-heavy fuel oil, bejn l-2016 u l-2018 Malta kellha żieda drammatika ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Jekk il-pajjiż se jiffoka biss fuq il-pannelli tax-xemx, il-pajjiż mhux se jattwa l-aqwa politika għaliex fil-verita għandu jkun hawn taħlita ta’ sorsi differenti ta’ enerġija.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-prezz li l-Enemalta tħallas lill-familji li jinstallaaw il-panelli tax-xemx u qal li l-gvern qed ikun xħieħ mal-familji Maltin. Il-prezz mill-interconner hu bil-5ċ, mill-BWSC bis-7ċ, il-familji qed jingħataw bis-7.5ċ u lill-Electrogas bl-11c2 iżda lill-familji Maltin li nvestew fil-pannelli qed jingħataw biss 7ċ.

Hu tkellem favur il-windfarms u qal li l-pajjiż irid iħares lejn il-possibbiltajiet kollha. Il-pajjiż irid ikollu ġenerazzjoni ta’ dawl rinovabbli mija fil-mija.

Dwar il-karozzi tad-dawl hu qal li hawn problema serja ta’ mobbiltà elettrika minħabba l-infrastruttura eżistenza għall-iċċarġjar tal-vetturi mhix b’saħħitha minħabba li hemm ċentri biżżejjed, m’hemmx identifikazzjoni biżżejjed ta’ dawn il-points u m’hemmx manutenzjoni tal-points għax l-infrastruttura ma żdieditx fl-aħaħr seba’ snin.

Jeħtieġ li jiddaħħalu charging point fis-supermarkets u postijiet oħra. L-inċentivi li qed jagħti l-gvern mhux biżżejjed; il-gvern irid jinċentiva iktar lil min irid jixtri l-karozzi tad-dawl anki jekk dan ikunu wżati.

David Thake qal li l-pajjiż irid jimxi lil hinn mill-fissazzjoni tal-karozzi u appella biex ikun hemm inċentivi biex iż-żgħażagħ jużaw iktar scooters. It-twessiegħ tat-toroq mhix soluzzjoni għaliex kull ma jsir hu li jinqerdu s-siġar.

Il-poplu għandu jingħata alternattiva b’infrastruttura nazzjonali għar-roti; jeħtieġ bidla fil-mentalità. Jeħtieġ li jkun hemm bidliet mill-parlament fit-tmexxija ġenerali u sistemi alternattivi ta’ trasport. Fuq quddiem iridu jsiru lanes għaċ-ċiklisti fit-toroq.

Id-deputat Nazzjonalista qal li ma ttieħdux passi biżżejjed wara l-COVID-19 favur ix-xogħol mid-dar; ix-xogħol mid-dar hu kruċjali għall-ambjent. Il-parlment għandu jieħu l-proposti dwar xogħol mid-dar bl-ikbar serjetà.

Hu qal li l-pajjiż irid jiddiskuti l-possibbiltà ta’ kumpens għax kulħadd għandu dritt igawdi x-xemx u mhux jitla’ bini ogħli li jgħatti l-posbbiltà tax-xemx. Il-pajjiż jeħtieġ li r-regoli fl-ISPED ikunu infurzati. F’Wied Qirda, Infrastructure Malta bdew jagħmlu xogħlijiet ferm qabel ingħataw il-permess; dan m’għandu jkun aċċettat qatt.