Festi Għawdex Knisja Kultura Lokali

“Jekk Ġesù jkun magħkom, il-madmad tagħkom ma jibqax tqil”.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex, l-Isqof Mario Grech, jordna presbiteru u 2 djakni

“Il-ministeru tagħkom saċerdotali u djakonali se jpoġġikom qrib persuni li huma mtaqqla u mgħobbija b’ħafna piżijiet – xi drabi b’toqol li ngħabbuhom aħna stess f’isem Kristu u l-Knisja. Il-poplu ta’ Alla qed jistenna minnkom li tlissnulu din is-sentenza: “Ejjew għand Ġesù, intom ilkoll imtaqqlin, għax jekk Ġesù jkun magħkom, il-madmad tagħkom ma jibqax tqil”.

Kliem l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex, l-Isqof Mario Grech, meta nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju li għadda fis-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù ordna lil Dun Mario Mercieca bħala saċerdot u lil Fra Etienne Gilson O.F.M.Conv. kif ukoll lil Andrew Grima bħala djakni.

L-ordinazzjoni, li fiha ġew imbierka ż-żjut tal-Griżma, ċeremonja posposta minn Ħamis ix-Xirka minħabba l-pandemija, kif ukoll ġew imġedda l-wegħdiet saċerdotali, inżammet fuq iz-zuntier tal-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu, l-Għarb.

Ritratt: Shaun Sultana

Waqt l-omerlija, Mario Grech fakkar lill-ordinandi biex ma jilludux irwieħhom għaliex il-ħajja mhijiex ward u żahar. It-talba konsagratorja tal-Griżma, li biha s-saċerdot u l-isqof il-ġdid ser jiġu midluka, innifisha tgħid li l-martirju huwa parti mis-sejħa tagħhom.

Minkejja dan, l-Isqof Grech qawwielhom qalbhom għaliex fuq l-eżempju tal-Imgħallem Ġesù, huma għandhom isejjħu lill-Missier bħala s-Samiritan biex “jerfa’” l-madmad tagħhom.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex ħeġġeġ lill-ordinandi biex bħal Ġesù jibdlu okkażjoni ta’ lment fi stqarrija ta’ fidi u tifħir għaliex dak li kien motiv ta’ mrar u diqa Ġesù jibdlu f’talba ħerqana ta’ glorifikazzjoni lill-Missier.

Ritratt: Diocese of Gozo