Il-Kumitat sezzjonali tal-PN f’Marsaskala jinnota l-mod kif tiela l-bini bla pjan ta’ xejn u bini għoli esaġerat qed ikompli joħnoq it-toroq fgati taghna.
Fi stqarrija ffirmata mill-President tal-Kumitat Sezzjonali John Baptist Camilleri, il-Kumistat Sezzjonali sostna li minkejja li l-Kunsill Lokali ilu madwar tliet snin jitlob għal pjan lokali għal dan il-villaġġ li kiber b’rata mgħaġġla ħafna, dan il-pjan qatt ma wasal. Pjan li għandu jinkorpora fih ukoll is-soluzzjoni għall-problema dejjem tikber fil-pjazez ta’ Dun Tarcis u Mifsud Bonniċi li jgħerqu kull darba li jkun hemm baħar għoli.
Għandu jkun assigurat ukoll li ma jitpoġġewx gaġġeġ tal-ħut viċin l-art li jagħmlu ħsara lill-bajjiet u l-ibħra tagħna. Dawn għandhom ikunu allokati fiż-żona approvata apposta ‘l barra fil-baħar fiż-żona allokata apposta.
Bil-binja tal-għassa tal-Pulizija eżatt quddiem l-iskola primarja, f’telgħa li mhix aċċessibbli għal kulħadd, bil-bini ta’ pompa tal-petrol f’art verġni u proposti għal żvilupp goff u esaġerat għas-sit tal-eks lukanda Jerma li ħadet ukoll il-ġnub tat-Torri ta’ San Tumas,
l-Iskalin iħossu li l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom f’din il-lokalita’ qed kull ma jmur tiddeterjora. Ma’ dawn jiżdiedu wkoll it-telqa tal-Magħluq li hija żona protetta u jaqa’ taħt Natura 2000 minħabba l-fora u l-fawna ta’ ġo fih, id-dewmien esaġerat ta’ madwar sena u nofs sabiex titlesta Triq il-Qaliet u xogħol mill-Korporazzjoni tal-Ilma fiż-Żonqor, liema xoghol ilu għaddej iktar min sena u nofs bil-konsegwenza li r-residenti jinsabu iddisprati u hemm min saħansitra ma jkunx jista’ joħrog minn daru.
Dan kollu ħoloq ammont kbir ta’ trab u tniġġiż fl-arja bil-Gvern ċentrali jibqa’ ċass quddiem dan id-dewmien għad-detriment tal-poplu ta’ M’Skala. L-istess ngħidu għat-triq il-qadima li minn M’Skala twassal għal Ħaż-Żabbar li hekk kif inksiet bit-tarmak qed terġa’ tinqala sabiex jitpoġġew il-katusi godda ghas-servizzi.
Ma tonqosx ukoll il-kwistjoni tal-AUM, li dwarha qed jitqajjmu ħafna dubji jekk din hix se ssir. Il-Kumitat min dejjem kien kontra dan l-iżvilupp fuq art ODZ bil-pixxina tal-Klabb tal-Waterpolo tgħaddi wkoll f’idejn l-ispekulatur Ġordaniż. Ta’ min jinnota li Sadeen mhux miexi mal-pjan u l-ħsara li se ssir fiż-żona taż-Żonqor hija irreparabbli. Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ lill-Gvern sabiex jieħu l-art lura mingħand il-Ġordaniżi u jħalliha għat-tgawdija tal-poplu Malti.
Ninnutaw ukoll li x-xogħol sabiex titjieb l-aċċessibbilta’ tal-kosta u l-mollijiet li kollha jinsabu fi stat diżastruż miexi bil-mod wisq u mhux se jkun lest għal dan is-sajf.
Il-Kumitat japella sabiex il-poplu ta’ Marsaskala jkun rispettat iktar mill-Gvern Ċentrali u jappella sabiex il-Ministri u deputati tad-Distrett jagħtu każ tar-residenti tul il-leġiżlatura sħiħa u mhux fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni!.