Futbol Sport

Real Madrid iżommu l-erba’ punti vantaġġ fuq Barcelona

(Ritratt: EPA)

Penalty ta’ Sergio Ramos fit-tieni taqsima ħalla lil Real Madrid fil-quċċata. Huma għelbu lil Athletic Bilbao 1-0 fis-San Mames u resqu pass ieħor li jirbħu l-kampjonat. Il-captain Madrilen skorja mill-11-il metru, 17-il minuta mit-tmiem wara li r-referee ra l-azzjoni permezz tal-VAR wara fawl fuq Marcelo fil-kaxxa. Dan kien l-għaxar gowl ta’ Ramos f’dan il-kampjonat u l-ħames wieħed f’seba’ logħbiet minn meta rritorna l-kampjonat La Liga.

Barcelona wieġbu għar-rebħa tal-leaders meta barra minn darhom għelbu lil Villarreal 4-1. Awto-gowl ta’ Pau Torres fetaħ l-iskor favur Barcelona wara biss tliet minuti għalkemm Villarreal ġabu d-draw fl-14-il minuta minn rebound ta’ Gerard Moreno. Luis Suarez reġa’ tefa’ lit-tim ta’ Quique Setien minn fuq fl-20 minuta meta rċieva mingħand Lionel Messi u skorja b’xutt fl-angolu ta’ fuq biex qabel tmiem l-ewwel taqsima, Antoine Griezmann għamilhom 3-1 meta qabbeż b’mod delizzjuż fuq Sergio Asenjo. Iż-żagħżugħ Ansu Fati ssiġilla r-rebħa fis-87 minuta b’azzjoni personali fuq il-linja xellugija.

La Liga

Illum: Athletic Bilbao v R. Madrid 0-1, Espanyol v Leganes 0-1, Osasuna v Getafe 0-0, Villarreal v Barcelona 1-4