Lokali Qorti

Seba’ Pulizija oħra tat-Traffic jwieġbu mhux ħatja ta’ frodi fuq ‘extra duties’

Seba’ membri oħra tal-Korp tal-Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku wieġbu li mhumiex ħatja li kkommettew frodi meta mingħajr lanqas biss ma marru għax-xogħol ħadu flus ta’ extra duties.  Fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda ħames membri oħra, nkluż Supretendent u żewġ Spetturi wkoll wieġbu mhux ħatja ta’ reati simili.

Każ minnhom kien ta’ Pulizija li allegatament anke tħallas ‘extra’ meta kien bil-leave u ieħor ammetta mal-Pulizija li kien hu stess li qala’ s-sistema tad-Data Track minn fuq il-mutur tas-servizz. Il-Qorti ddikjarat li s-seba’ membri tal-Korp tal-Pulizija jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.

L-ebda wieħed minn dawk li tressqu sa issa ma ġie akkużat fuq serq ta’ fuel, li ħadu flus mingħand kuntratturi u akkużi oħra li ssemmew waqt l-investigazzjoni.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello bdiet il-kumpilazzjoni ta’ Kuntistabbli u Surġenti tal-Pulizija li skont il-Prosekuzzjoni dawn kollha qalu li huma qatt ma ngħatatilhom ordni biex jibqgħu fl-istess post.

Fil-fatt huma qed jikkontendu li ma jagħmlux ‘fixed points” bil-muturi u meta xi uffiċjal tal-Pulizija jgħidilhom mhux imorru jassistu lil xi ħadd, jaqbdu u jitilqu. Kien hemm min ukoll tenna li l-mobile kien ġieli nesieh id-dar u għalhekk immarka li hu baqa’ d-dar u ma marx għax-xogħol.

Lil kull akkużat il-Maġistrat Montebello fissritilhom kemm dawn huma akkużi serji għaliex huma akkużi fost oħrajn li bħala membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom jaraw li dawn ir-reati ma jseħħux.

L-akkużati qegħdin jiġu mixlijin li kisru ftehim li kien hemm ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta fejn dawn l-entitajiet kienu qegħdin iħallsu lill-Korp tal-Pulizija biex jisuplixxi numru ta’ Pulizija waqt proġetti infrastrutturali, l-aktar fejn tidħol il-fly-over tal-Marsa, biex ikun hemm aktar kontroll tat-traffiku waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħolijiet.

L-ewwel membru tal-Korp tal-Pulizija kien il-Kuntistabbli Josmar Muscat ta’ 29 sena mis-Siġġiewi li bħal ħafna mill-akkużati qed jiġi mixli li ħa eluf ta’ ewro f’extra duty fil-ħin li kien qiegħed f’lokalitajiet oħra ta’ Malta, u mhux fil-post fejn indikat lilu skont il-ftehim fuq il-proġetti infrastrutturali.

Wara beda l-każ tal-Kuntistabbli Alexander Sellar ta’ 40 sena minn Ħaż-Żebbuġ fejn ingħad mill-Prosekuzzjoni li l-ħin tal-extra duty għalih u għall-akkużati kollha kellha tkun fil-ħinijiet ta’ bejn 6.00am u 2.00pm u 2.00pm u 6.00pm.

Ħareġ li flok dan kien ikun il-Marsa minn investigazzjoni li saret anke permezz tal-mobile tal-akkużat Sellar kien ikun f’postijiet bħal Ħaż-Żebbuġ, San Pawl il-Baħar u s-Siġġiewi.

Fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija Sellar qal li hu qatt ma ngħata struzzjonijiet biex jibqa’ statiku fl-istess post u meta xi ħadd kien jitlob għall-asistenza tiegħu kien imur mill-ewwel fuq il-post. Hawn ingħad li huwa ħallas lura elf ewro tal-‘extra duty’ li allegatament kien għamel meta kien ‘extra’.

Huwa nnega li ma kienx imur il-Marsa bil-Prosekuzzjoni tgħid li fis-6 ta’ Novembru, kien jidher li kien bil-leave, u tħallas extra. Meta staqsewh dwar dan u ‘extra’ ieħor qalilhom li flus ma riedhomx. L-allegati reati minn naħa tiegħu saru bejn Settembru u Novembru li għadda.

Akkużat ieħor kien Francis Zerafa, Kuntistabbli ta’ 47 sena minn Marsaxlokk fejn ħareġ li huwa għamel extra b’ €7,605 meta wkoll kien ikun f’postijiet differenti minn dak assenjat għalih.

Allegatamenet huwa ħa aktar minn €5,000 f’’extra’ fi flus li għalihom ma ħadimx. Każ ieħor tal-Kuntistabbli Anthony Dimech ta’ 32 mill-Imġarr akkużat wkoll li għamel aktar minn €5,000 bi frodi. Dawn kollu deher għalihom l-Avukat Arthur Azzopardi.

Wara beda l-każ ta’ Matthew Azzopardi minn Ħal Tarxien li fl-istqarrija li ta lill-Pulizija kien qal li huwa qatt ma jabbanduna l-post tax-xogħol tiegħu iżda meta xi ħadd jgħajjatlu jitlaq minn fuq il-post.

Is-somma ta’ ‘extra’ li ħa mingħajr ma allegatament ħadem skont il-Prosekuzzjini hija dik ta’ €2,022. 11c. Għalih deher il-Prokuratur Legali Mario Buttigieg.

Wara beda l-każ tal-Kuntistabbli Edwin Zammit ta’ 34 sena minn Birżebbuġa, li għalih deheru l-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Marion Camilleri. Dan qed jiġi mixli li wettaq frodi ta’  €9,000 f’’extra’s’ li ma ħadimx. Ħareġ ukoll li ma wieġeb għall-ebda mistoqsija meta kien ġie arrestat.

Il-Kuntistabbli Francis Sciberras ta’ 52 sena qed jiġi mixli li wettaq frodi bl-istess mod li wettqu sħabu ta’ €5,000. Dan kien qal lill-Pulizija li kien iċempillu s-Surġent Norman Xuereb, li wkoll huwa wieħed mill-akkużat biex jiċċaqqlaw min fejn ikun.

Dan qal lill-Pulizija li xogħolu huwa li jiġri bil-mutur u mhux fixed point u li ġieli kien imur jiekol id-dar. Qal ukoll fl-istqarrija li ġieli tħallas ‘extra’ fi flus kontanti u ġieli permezz ta’ ċekk.

Dwar Data Track fuq il-mutur, qal li dan kien qalgħu hu stess. Għalih deher l-Avukat Ludwig Caruana. Il-każ ta’ Terrence Azzopardi, li wkoll kellu jinstema’ ġie differit. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lianne Bonello, Claire Borg, David Bugeja u Sean Friggieri.