Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal tliet aħwa li sawwtu lil kuġinuhom fil-klabb tal-Boċċi tal-Imsida

Tliet aħwa li jaħdmu bit-taxi ġew kundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Qorti tal-Appell wara li nstabu ħatja li sawwtu lil kuġinuhom tant li setgħu qatluh. Huma nstabu ħatja li wettqu dan ir-reat fil-klabb tal-Boċċi tal-Imsida, 14-il sena ilu.

L-aħwa kienu ġew illiberati mill-Qorti tal-Maġistrati minħabba dak li sejjħet nuqqas ta’ provi u li dan kollu seħħ waqt rissa fil-31 ta’ Lulju 2006. L-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza fejn ma qabilx mal-interpretazzjoni tal-Ewwel Qorti u qal li Charles Aquilina ta’ 51 sena mill-Fgura, Robert Aquilina ta’ 44 sena minn Ħ’Attard u Darren Aquilina ta’ 35 sena minn Tal-Pietà għamlu dak li għamlu bi ħsieb bil-vittma lanqas biss ikkonfronta jew li kien ostili għat-tliet irġiel.

Huma kien ġew akkużati li ttantaw joqtlu lil Kevin Pace u li kkawżawlu feriti permanenti għall-ħabta tal-10.40 p.m. Charles u Darren Aquilina kienu mixlijin ukoll li saru reċidivi.

Dak inhar fil-każin tal-boċċi tal-Imsida kien hemm preżenti biss ħamsa minn nies fil-mument li seħħet l-aggressjoni. Dawn kienu l-vittma Kevin Pace li dak innhar kien qiegħed jieħu ħsieb il-bar ta’ dan il-klabb ġestit minn ħuh u missieru, flimkien mat-tfajla tiegħu Maria d’Amato u bintu, li dak iż-żmien kellha 13-il sena.

Fil-klabb kien hemm ukoll żewġ persunui oħra li ma kienux involuti f’din l-aggressjoni. Fil-ħin tal-aggressjoni l-vittma kien qiegħed fil-bieb tal-każin iħares wiċċu l ġewwa, li ġie mkaxkar ‘il barra bil-forza tal-aħwa li kienu armati b’ħadida u injama li aggredewh u bdew issawtuh.

Ma jidhirx illi kien hemm xi argument verbali bejn l-aggressuri u l-vittma li ppreċeda dan l-inċident. Minn dak li jistqarr Kevin Pace, ftit tal-ħin qabel kien hemm missier l-akkużati, u li hu kien qiegħed bil-qiegħda fuq barra tal-klabb flimkien ma’ xi terzi persuni li magħhom kien inqala’ argument verbali dwar politika u Pace kien hareg barra u sikket lil missier l-aħwa.

Dan telaq bir-rabja minn fuq il-post u hedded li “ippatihielu”. Ftit tal-ħin wara

waslu l-aħwa armati kif ingħad, li aggredew lil Pace u bdew isawwtuh b’oġġetti iebsin fuq rasu tant illi kkaġunawlu ferita gravi kif iċċertifika l-espert mediko-legali Dr. Mario Scerri fost hafna abbrażjonijiet u tbenġil fuq dahru u saqajh.

Il-Qorti qalet li huwa evidenti illi Pace kien vittma ta’ aggressjoni vjolenti li seta’ kellha konsegwenzi ferm aktar gravi minħabba l-ksur li ġarrab Pace fuq rasu. Din il-verzjoni tal-fatti hija kkonfermata minn Maria D’Amato u bintu  li stqarrew illi Pace ġie aggredit mingħajr ebda raġuni.

Il-Qorti qalet li dan ifisser li ma jistax jingħad illi jirriżultaw l-elementi tar-reat tar-rissa u dan għaliex ma jidhirx illi kien hemm xi skontru bejn xi grupp ta’ nies għaliex dan kien każ klassiku ta’ aggressjoni premeditata minn tlieta minn nies armati kontra persuna waħda.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li dawn ma kienux ipprovokati minn Pace u marru għalih armati bl-intenzjoni ċara li jħebbu ghalih u jagħmlulu l-ħsara biex b’hekk l-intenzjoni ġenerika meħtieġa għar-reat tal-offiza fuq l-persuna tirriżulta ppruvata.

Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li ma jidhirx lanqas li l-aħwa jew xi ħadd minnhom sofra xi ġriehi f’din l-aggressjoni u għalkemm kien hemm allegazzjoni li Robert Aquilina seta’ kellu xi ġriehi fl-istonku, madanakollu dan il-fatt ma ġiex ppruvat.

Il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni it-trapass taż-żmien minn meta seħħew ir-reati u li l-vittma llum rkupra totalment mill-feriti li sofra, ghalkemm ma tistax minn naħa l-oħra tinjora l-gravità tal-każ fejn persuna setgħet tillfet ħajjitha.

Il-Qorti tal-Appell qalet li minkejja li Charles u Darren Aquilina huma reċidivi, fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet tqies illi l-piena ma għandiex tiġi miżjuda.