#muscatgate Lokali Parlament Qtil Politiku

“Skużi bla sens” minn Joseph Muscat

L-argumenti tal-eks-Prim Ministru Laburista ma jreġux

Filwaqt li għandu d-dritt għall-opinjoni tiegħu u jista’ jappella, l-argumenti u r-raġunijiet li ġab l-eks PM Joseph Muscat biex jipprova jwaqqa’ l-konklużjonijiet tar-rapport li sar mill-Kummissarju għall-Istandards ma jagħmlux sens.

Isostni dan il-ġurnal The Malta Independent fl-editorjal tiegħu hekk kif il-ġimgħa li għaddiet, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ikkonkluda li Joseph Muscat kiser il-kodiċi ta’ etika meta aċċetta tliet iflixkien inbid li jiswew eluf ta’ ewro mingħand l-imprenditur Yorgen Fenech.

Ir-rigali ingħataw fi Frar tal-2019, meta Fenech kien diġa’ magħruf li kien is-sid tal-kumpanija 17 Black u Muscat kien diġa’ jaf li Fenech kien qiegħed jiġi investigat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan seħħ waqt riċeviment privat li sar fil-palazz tal-Girgenti fl-okkażjoni ta’ għeluq snin Joseph Muscat.

F’tentattiv biex jiddefendi l-aġir tiegħu u jwaqqa’ r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards, Muscat qal li hu kien stieden lil Yorgen Fenech għar-riċeviment u aċċetta r-rigali fuq parir tas-Servizz tas-Sigurta’ sabiex Fenech ma jissuspettax li qed jiġi investigat.

Iżda l-editorjal qal li dan l-argument ma jreġix, l-ewwel nett għaliex Muscat seta’ faċilment jgħid li ma jistax jaċċetta dawn it-tip ta’ rigali għax imur kontra l-Kodiċi

tal-Etika, u t-tieni, għaliex fil-passat kien diġa’ aċċetta rigali lussużi oħrajn minn Yorgen Fenech…. fosthom arloġġ tad-ditta Bvlgari.

Fi Frar tas-sena li għaddiet, il-fatt li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black li din kellha tgħaddi eluf kbar lill-kumpanija ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, kien wieħed pubbliku. Dwar dan il-fatt biss, Fenech ma kellux ikun mistieden għal dan ir-riċeviment, itenni l-ġurnal.

Argument ieħor li wassal Muscat biex jipprova jiġġustifika għemilu hu li l-flixkien ma żammhomx u qed jinżammu mill-Istat. Anki hawnhekk, l-editorjal isostni li l-argument ma jreġix għaliex irrispettivament jekk żammhomx jew le, il-fatt jibqa’ li l-Prim Ministru aċċetta rigal mingħand imprenditur u dan joħloq l-impressjoni li l-politiku għandu xi obbligazzjoni fil-konfront tal-imprenditur.

Sadanittant, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ċaħad l-allegazzjonijiet tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield li hu kellu kunflitt ta’ interess meta fassal dan ir-rapport. Bedingfield allega li hemm kunflitt ta’ interess għaliex iben mart George Hyzler hu wieħed mill-avukati li qed jiddefendi lil Yorgen Fenech.

F’kumment mas-sit Lovin’ Malta, Hyzler qal li m’hemmx kunflitt ta’ interess għaliex fl-ebda ħin ma daħal fil-mertu tal-proċeduri kontra Yorgen Fenech.

Qal li l-investigazzjoni tiegħu kienet iffukata fuq il-qrubija bejn politiċi u negozjanti …u rrakkomanda li l-politiċi jżommu d-distanza soċjali.

George Hyzler innota wkoll li Bedingfield m’akkużahx b’kunflitt ta’ interess waqt l-investigazzjoni iżda wara li ħarġu l-konklużjonijiet.