Lokali Saħħa

Tkompli s-saga tal-infermiera Għawdxin f’Malta

Aktar kmieni llum il-Qorti laqgħet l-appell ta’ Steward Health Care Malta kontra l-MUMN dwar azzjoni industrijali li kienu ordnaw b’rabta mal-anomalija li nqalgħet, fejn infermiera barranin kienu qed jittieħdu jaħdmu Għawdex filwaqt li l-Għawdxin għadhom qed ikollhom jaħdmu Malta.

Il-Qorti rrikonoxxiet il-fatt li biex infermiera Għawdxin jitħallew imorru jaħdmu Għawdex, jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa, u għaldaqstant mingħajr din l-awtorizzazzjoni Steward Health Care ma kellhomx għażla oħra ħlief li jimpjegaw infermiera barranin.

B’reazzjoni għal din id-deċizjoni, il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel saħqet li se tibqa’ tiġġieled u tinsisti li dment li hemm infermiera Għadwxin li għadhom qed ikollhom imorru Malta biex jaħdmu, ma jkunux impjegati infermiera barranin fl-Isptar t’Għawdex u qalet li jekk dawn il-barranin jinżammu fl-isptar t’Għawdex, mhux se taħsibha darbtejn biex terġa tagħti direttivi lill-membri tagħha.

L-MUMN saħqet li l-appell ta’ Steward intlaqa’ biss għall-fatt li l-proċess tat-trasferimenti ma kienx għadu tlesta sa dakinhar li sar l-appell. Madankollu issa, mill-1 ta’ Lulju, 10 infermiera Għawdxin ġew trasferiti għal Għawdex.

Minkejja dan, l-infermiera barranin xorta nżammu minn Steward.

L-MUMN tenniet li b’dan il-mod Steward kienet qed tikser il-ftehim li infermiera Għawdxin jieħdu post il-barranin, u mhux se tieqaf sakemm tara li l-infermiera Għawdxin jittieħdu kollha fl-istpar t’Għawdex.