Għawdex Kultura Lokali

Tlesta r-restawr fuq żewġ kanuni fin-Nadur b’aktar minn 200 sena ta’ storja

Ix-xogħol ta' restawr fuq dawn il-kanuna misjuba quddiem il-Bażilika ta' San Pietru u San Pawl sar mill-Kunsill Lokali tan-Nadur

Fl-aħħar tax-xahar li għadda, il-Kunsill Lokali tan-Nadur inawgura r-restawr fuq żewġ kanuni b’aktar minn 200 ta’ storja li ilhom aktar minn 33 sena jżejjnu l-bankina ta’ quddiem iz-zuntier tal-Kolleġġjata u Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl.

Ix-xogħol ta’ restawr sar minn Ivan Xuereb li ħa ħsieb dak kollu meħtieġ biex il-kanuni jirritornaw lura fil-glorja tagħhom. Dawn inqalgħu minn fuq il-bankun tagħhom biex ġie mibdul xi njam tal-bankun, li kien sar mill-mastrudaxxa Naduri, Mikiel Vella ta’ Fonzu, u ġew miżbugħa mill-ġdid.

Anki l-kanuni tal-ħadid fondud ġew miżbugħa mill-ġdid b’kulur il-bronż, bl-armi irjali Ingliżi u xi numri u sinjali oħra li jinsabu mnaqqxin fihom, bil-kulur tad-debhien.

Il-kanuni kienu waslu n-Nadur fit-2 ta’ Marzu 1987 taħt is-superviżjoni tal-Perit tal-Gvern, in-Naduri Karmenu Borg, biex tpoġġew f’posthom fis-7 ta’ Mejju 1987 ħalli jagħtu dehra aktar monumentali lid-daħla tal-Bażilika.

Dan il-proġett huwa xhieda ta’ kif il-pandemija ma ħassritx l-impenn tal-Kunsill Lokali Naduri milli jissokta bil-proġetti ta’ tisbiħ u restawr fil-lokalità.