Lokali

“Uħud magħżula qed jgħaffġu fuq id-drittijiet tal-impjegati” – ALPA

“Huwa sfortunat li grupp ta’ individwi mill-ogħla ċrieki tal-management tal-kumpanija, persuni magħżula mill-amministrazzjoni preżenti, għażlu li jgħaffġu fuq id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-impjegati”.

Hekk qalet l-ALPA, l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-bdoti Maltin, fi stqarrija li fiha ħabbret li kienet fetħet protest ġudizzjarju ieħor fil-konfront tal-Gvern u tal-Air Malta fejn qed iżżommhom responsabbli għal dawk li qed isejħu illegalitajiet li tappnu d-deċizjoni tal-kumpanija li tkeċċi lil 69 bdot u li tniżżel lil 31 impjegat mill-grad ta’ Kaptan għal dak ta’ First Officer.

L-ALPA qed tinsisti wkoll lill-Gvern jonora dak li wiegħed hu stess meta l-eks Ministru Konrad Mizzu u l-Ministru Edward Zammit Lewis tawhom garanzija ta’ xogħol f’Malta kif ukoll żgurawhom mill-kundizzjonijiet li kellhom sa ma jkun iffirmat ftehim kollettiv ġdid.

L-assoċjazzjoni esprimiet id-dizappunt tagħha li l-Gvern għażel li ma jipparteċipax fid-diskussjonijiet qabel ma saru t-tkeċċijiet, u dan minkejja l-bosta tabliet minn naħa tal-ALPA.

L-istqarrija ttemm billi tisħaq li l-Gvern jaf sewwa li l-ALPA dejjem uriet intenzjoni serja li tikkontribbwixxi fit-tkabbir tas-settur tal-avjazzjoni u qalet li huwa għalhekk diżappuntanti li l-irregolaritajiet wasslu għal azzjoni diretta kontra l-Gvern biex ikunu ssalvagwardjati u rrispettati d-drittijiet legali u kontrattwali tal-membri tal-assoċjazzjoni.