Lokali

“Abela ma jistax jibqa’ jtawwal iżjed” – Repubblika

“Nistennew li Robert Abela jrabbi l-kuraġġ u jiddikjara null u mingħajr effett il-ftehim maħmuġ li ta tliet sptarijiet tal-poplu lil nies li għandna nafu lanqas kollha min huma.”

Kien dan kliem il-Moviment Repubblika fi stqarrija maħruġa it-Tlieta. Huma qed jistennew li Abela jordna lil eks-Prim Ministru Joseph Muscat biex jagħti l-informazzjoni sħiħa tal-ħmieġ fil-kuntratt tal-Vitals li hu, Konrad Mizzi u oħrajn ħadmu flimkien. Dan filwaqt li wara li jsir dan, Abela jgħaddi l-informazzjoni kollha lill-inkjesta maġisterjali li qed issir dwar Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna.

Huma żiedu jgħidu li hemm bżonn isir xi ħaġa hekk kif l-Awditur Ġenerali sabi li l-Gvern ta’ Muscat għadda tliet sptarijiet li kienu tal-poplu Malti mingħajr ħadd ma jassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni, mingħajr analiżi indipendenti u f’sitwazzjoni ta’ kollużjoni bejn min ħa l-kuntratt u l-Gvern jew rappreżentanti tal-Gvern.

L-istqarrija tispiċċa tgħid li Abela għandu r-responsabbiltà li jwaqqaf dan it-tradiment lejn il-poplu Malti filwaqt li jiżgura li dawk kollha mdaħħlin fil-ħmieġ iroddu minnufih lura dak li ħadu mingħand il-poplu billi jħalsu ta’ għemilhom.