Internazzjonali

Bolsonaro: Il-President tal-Brażil jittestja pożittiv għall-Covid-19

Il-President Jair Bolsonaro

Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, ittestja pożittiv għall-Covid-19 wara li ħa test ieħor ( ir-raba’ wieħed s’issa) minħabba li żviluppa s-sintomi tipiċi tal-marda li kienu jinkludu deni għoli.

Bolsonaro ilu x-xhur jimminimizza l-potenzjal tas-sogru mill-coronavirus li kien jalludi għalih bħala ‘daqsxejn ta’ influwenza’ u fejn qal ukoll li ‘l-ebda Covid-19 ma kien se jaffettwah b’mod serju’.

Il-President tal-Brażil, fl-istess ħin, wettaq pressjoni fuq il-Gvernaturi tar-reġjuni tal-pajjiż biex inaqqsu mil-lockdown minħabba l-impatt tal-miżuri għall-ekonomija. Fil-fatt, Bolsonaro, ftit tal-ħin ilu, naqqas ir-regoli effettivi għall-ilbies tal-maskri tal-wiċċ fil-pubbliku.

Sa mill-bidu tal-ġimgħa, l-imwiet mill-Covid-19 fil-Brażil kienu qabżu l-65,000, bl-infezzjonijiet fil-pajjiż jitilgħu għal aktar minn 1.6 miljun — it-tieni l-aktar pajjiż b’infezzjonijiet wara l-Istati Uniti.

Minkejja ċ-ċifri allarmanti, il-President Bolsonaro jargumenta li l-lockdowns fir-reġjuni tal-Brażil qed ikollhom aktar effetti ta’ ħsara mill-virus innifsu. Dan waqt li hu qed jakkuża lill-istampa b’li qed tferrex il-paniku l-paranoja ‘bl-iskuża tal-Covid-19’.