Internazzjonali

Covid-19: Studju fi Spanja jixħet f’dubju l-kunċett tal-immunità tal-massa u ‘d-difiża mill-antibodies’

Studju speċifiku li sar fi Spanja xeħet dubju fuq il-vjabbiltà tal-immunità tal-massa ( herd immunity) bħala metodu li jrażżan mill-qilla tal-pandemija tal-Covid-19. Dan l-istudju, li fih ipparteċipaw ‘il fuq minn 60,000 persuna, qed jikkalkula li, sallum, ħamsa fil-mija biss tal-popolazzjoni Spanjola żviluppat l-antibodies bħala forma ta’ reżistenza għall-coronavirus ġdid.

Il-kunċett tal-immunità tal-massa jintlaħaq meta ‘biżżejjed residenti ta’ pajjiż ikunu spiċċw infettati minn virus sal-punt fejn il-firxa tiegħu ma tkomplix’.

Bejn 70 u 90 fil-mija tal-popolazzjoni jridu jiksbu din l-immunità bħala protezzjoni għall-kumplament tal-poplu li jkun baqa’ mhux infettat.

L-istudju qed ikun indikat bħala wieħed mill-akbar ( ta’ dan it-tip) dwar il-coronavirus fl-Ewropa – u meta qabel kien hemm studji simili fiċ-Ċina u l-Istati Uniti.

Ir-rapport isostni li l-prevalenza tal-antibodies tal-Covid-19 kienet taħt it-tlieta fil-mija fir-reġjuni tal-kosta fi Spanja. Madankollu din il-prevalenza kienet ogħla fir-reġjuni ta’ Spanja li rappurtaw inċidenzi aktar mifruxa tal-coronavirus.

L-awturi tal-istudju, fl-istess ħin, qalu ( fir-rapport) li ‘minkejja l-impatt għoli tal-Covid-19 fi Spanja, ftit hemm dubju li n-numru ta’ persuni bl-antibodies mhux biżżejjed biex jipprovdi l-hekk-imsejjaħ herd immunity’.

Dan il-livell ta’ immunità ma jistax jintlaħaq mingħajr ma pajjiż ikollu jaċċetta ħafna mwiet fost is-setturi tal-popolazzjoni li huma suxxettibbli għall-effetti tal-Covid-19.

Konsegwenza oħra tal-livell ta’ immunità ‘mixtieq’ għandha tkun piż żejjed – u x’aktarx insostenibbli – għas-sistema tas-saħħa ta’ pajjiż partikulari.

Għaldaqstant, ir-rapport isostni li f’din is-sitwazzjoni, il-miżuri għal distanzi soċjali u l-isforzi lejn l-identifikazzjoni u iżolament ta’ każi ġodda ta’ infezzjoni jibqgħu l-aktar elementi importanti għas-sistemi li jistgħu jikkontrollaw (anki) l-epidemiji tal-futur.

B’hekk ukoll, għandu jkomplu l-impenn ewlieni għas-sejba u konferma tal-aktar vaċċin effettiv biex irażżan l-effetti u ċirkolazzjoni tal-Covid-19 fil-pajjiżi u ‘il hinn mill-fruntieri.

Spanja rreġistrat ‘il fuq minn kwart ta’ miljun każi tal-coronavirus u qrib id-29,000 mewta sussegwenti. U waqt li l-fatalitajiet għal kull ġurnata (f’dan il-pajjiż) ma qabżux l-għaxra għal kważi kull ġurnata tal-aħħar tliet ġimgħat, uffiċjali fir-reġjun ta’ Galicia reġgħu imponew restrizzjonijiet għal zona ta’ 70,000 ruħ wara li feġġew inċidenzi ġodda u ‘lokalizzati’ tal-marda.