Internazzjonali

Daqshekk ‘TikTok’ għal Hong Kong

L-app popolari TikTok li jintuża minn miljuni ta’ nies għal video-sharing  se jispiċċa f’Hong Kong wara li ċ-Ċina imponiet il-liġi ġdida tas-sigurtà fuq it-territorju li kien ilu mill-1997 jgawdi livell ta’ awtonomija mill-bqija tal-pajjiż.

Kelliema għall-kumpanija ByteDance, ibbażata ċ-Ċina u li tipprovdi s-servizz, qalu li fid-dawl tal-aħħar żviluppi, ġie deċiż li t-TikTok jieqaf f’Hong Kong – bil-kumpanija se toħroġ mit-territorju fi kwistjoni ta’ ġranet.

Dan meta, jiem ilu, Facebook u Twitter qalu li kienu qed ‘iwaqqfu’ l-kooperazzjoni mal-pulizija ta’ Hong Kong rigward l-informazzjoni relatata għall-abbonati tas-servizzi tal-media soċjali.

TikTok kien introdott għall-abbonati barra ċ-Ċina bħala parti minn strateġija tal-ByteDance biex iżżid l-udjenza globali. Il-kumpanija għandha video sharing app simili (Douyin) għaċ-Ċina li ma żżommx il-user data ta’ TikTok.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong. Carrie Lam, issa qalet li l-liġi ġdida tas-sigurtà li qed tħasseb sew lill-osservaturi barranin għandha tkun implimentata (f’Hong Kong) b’mod rigoruż’ bil-għan li l-awtoritajiet lokali jirristawraw l-istabbilità fit-territorju.

Fl-aħħar żviluppi, Microsoft u Zoom qalu li mhumiex se jipproċessaw talbiet għal data li jistgħu jagħmlulhom l-awtoritajiet f’Hong Kong u waqt li l-kumpaniji jevalwaw il-liġi ġdida għas-sigurtà fit-territorju.