Lokali Qorti

Deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell tista’ tibdel l-akkużi u l-eżitu fil-każ tal-Pulizija mixlijin bi frodi

Deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Appell Kriminali tista’ tbiddel kemm l-akkużi kif ukoll l-eżitu tas-sentenza fil-konfront tat-32 membru tal-Korp tal-Pulizija mixlija bi frodi wara li allegatament għamlu ‘extra duty’ mingħajr ma kienu jersqu għax-xogħol u li għal dan huma tħallsu b’mod inġust.

Dan jista’ jfisser li jekk jinstabu ħatja l-Pulizija jistgħu jiġi lliberati bil-kundizzjoni li ma jagħmlux reat ieħor għall-perjodu ta’ żmen. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fis-sentenza tagħha qalet li hemm anomalija fil-liġi fejn jidħlu każijiet bħal dawn.

Fil-fatt f’sentrnza fil-konfront ta’ infermier  fuq ħlas li ħa mingħajr ma jmur għax-xogħol u wara huwa rriffonda s-somma kollha dovuti lill-Gvern, huwa ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.

L-Imħallef Scerri Herrera bagħtet is-sentenza lill-Ministru tal-Ġustizzja u saret rakkomandazzjoni biex isiru l-emendi neċċessarji fil-liġi biex ikun hemm il-kjarità fl-interpretazzjoni tal-liġi li għandha twassal f’uniformità tas-sentenzi.

Jekk dan iseħħ il-Pulizija akkużati jistgħu jingħataw sentenza ta’ libertà kundizzjonata, kif ingħatat fil-konfront ta’ infermier li rriffonda l-flus li kellu jagħti f’sentenza simili fejn dan jista’ jitqies ukoll bħala uffiċjal pubbliku bħal Pulizija akkużati u għaldaqstant każ simili.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia kienu assenjati l-kawżi ta’ tmien membri oħra tal-Korp tal-Pulizija mixlijin bi frodi fuq allegat ‘extra duty’ li ma ħadmux għalih fejn fih hemm min daħħal eluf ta’ ewro li ħafna minnhom ukoll diġa tħallsu lura.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ried li l-ewwel jisma’ liż-żewġ partijiet biex ikun jista’ jagħti gwida dwar kif se jimxu dawn il-każijiet. L-Avukat Arthur Azzopardi li kien qed jidher għal erba’ mill-akkużati ġibed l-attenzjoni dwar s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell fil-konfront ta’ Charlot Caruana, infermier li kien mixli li għamel qliegħ b’qerq u li iżda radd lura is-somma ta’ €21,930. Dan l-infermiet kien baqa’ jitħallas mingħajr lanqas biss ma kienx jersaq lejn ix-xogħol.

L-Avukat Azzopardi, li kien ukoll l-Avukat tal-Imfermier mal-Avukat Alfred Abela qal li mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell ħareġ li fil-liġi ma m’għandhiex tġi kkalkulata s-somma fil-kumpless tagħha imma kull siegħa ta’ xogħol li ssir.

Jekk dan iseħħ u l-liġi minħabba l-anomaliji li fiha tiġi uniformi wara li tgħaddi fil-Parlament it-32 Pulizija ikollhom jinbidlulhom l-akkużi għal frodi taħt il-€500.  

Piena ta’ reat bħal dan ta’ frodi li l-ammont tiegħu jkun ta’ aktar minn €500 iżda  anqas minn €5,000 huwa dak ta’ bejn sitt xhur u erba’ snin ħabs. Meta l-ammont ikun ta’ aktar minn €5,000 il-piena tkun ta’ bejn sentejn u disa’ snin ħabs.

L-Avukat Azzopardi qal li dan ifisser li l-proċeduri jaqgħu bħala sommarji li jfisser li l-piena trid tinżel taħt is-sitt xhur.   Il-Maġistrat Ian Farrugia f’digriet li ta qal li d-difiza qed taghmel hekk peress li thoss li għandu jkun opportun, li qabel mal-Qorti tgħaddi għas-smigħ fil-mertu, għandu jkun l-Avukat  Ġenerali li jiehu konjizzjoni sew tas-sentenza msemmija u tittieħed decizjoni dwar jekk tali sentenza tolqotx b’xi mod waħda mill-akkużi miġjuba f’dan il-każ, dik kkontemplata fl-Artikoli 308 u 310 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Minn naħa l-oħra l-Prosekuzzjoni tħoss li anke hi għandha tingħata żmien sabiex tqis sew il-portata ta din is-sentenza. Il-Qorti qalet li fiċ-ċirkostanzi tordna  kommunika ta’ dan il-verbal lill-Avukat Ġenerali bl-istess Qorti terġa’ tiltaqa’ fit-23 ta’ Lulju u minn hemm timxi fuq l-informazzjoni dwar jekk l-Avukat Ġenerali ħax pożizzjoni jew le biċ-ċans li l-każijiet tat-tmien Pulizija jibda jinstema’ f’Ottubru.

Sa issa kienu 12-il Pulizija li l-kumpilazzjoni tagħhom bdiet tinstema’ fil-Qorti. Fost l-akkużati hemm is-Supretendent Walter Spiteri, li rreżenja mill-Korp u żewġ Spetturi flimkien ma’ għadd ta’ Surġenti u Kunstistabbli.

Dawn instemgħu quddiem il-Maġistrati Audrey Demicoli u Rachel Montebello, u minbarra l-Maġistrat Ian Farrugia, jridu jinstemgħu każijiet quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia.