Internazzjonali

Ġappun: Għexieren ta’ mejtin u ġlieda ddisprata mal-ħin, fost l-għargħar

Is-servizzi għall-emerġenzi fil-punent tal-Ġappun għaddejjin bi ‘ġlieda mal-ħin’ biex isalvaw numru ta’ nies li spiċċaw iżolati u f’sitwazzjoni ddisprata minħabba sensiela ta’ għargħar u valangi devastanti li ħallew numru sinifikanti ta’ mejtin u persuni mitlufa.

L-aħħar rapporti qalu li l-mejtin fiċ-ċirkustanzi qabżu l-50 waqt li l-Aġenzija Meteoroloġika tal-Ġappun ħarġet it-tieni l-ogħla twissija ta’ emerġenza għall-impatt tax-xita u l-valangi tal-art f’zoni kbar ta’ art lejn il-lbiċ tal-pajjiż.

Kien hemm ukoll twissija li ‘l-element tas-sogru’ mill-effetti tal-għargħar qed jiżdied għall-pajjiż kollu, meta x-xita rari battiet min-nhar is-Sibt ‘il hawn.

L-awtoritajiet qed jistennew li l-vittmi tal-għargħar u l-valangi għandhom jiżdiedu, bl-agħar ‘ġlieda mal-ħin’ tinsab għaddejja fir-reġjun ta’ Kumamoto fejn naqsu t-tamiet li r-residenti rappurtati nieqsa jistgħu jinstabu ħajjin.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet lokali qalu li ma fissaw l-ebda deadline jew żmien għall-konklużjoni tat-tfittxija għan-neqsin, inkella għall-ħidma tas-salvataġġ fejn huwa neċessarju.

Il-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe, qal li kien qed jirdoppja l-ammonti tal-iskwadri – bis-sehem tal-pulizija, membri tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien, il-gwardjani tal-kosta u t-truppi – li qegħdin iwieġbu għall-emerġenza.

Dawn qegħdin jagħtu l-għajnuna fl-inħawi fejn eluf kbar ta’ xmajjar faqgħu l-artijiet fejn kaxkru l-pontijiet u biddlu numru kbir ta’ toroq prinċipali f’’għadajjar mingħajr limitu’. Intant, l-aċċess lejn ċerti zoni sar possibbli biss bil-ħelikopter inkella bl-użu ta’ ċattra minn persuni li jridu jaqsmu mill-ilma.

F’każ partikulari, għexieren ta’ tfal li jattendu skola elementarja fil-belt ta’ Omuta u l-għalliema tagħhom kellhom iqattgħu lejl fis-sular ta’ fuq tal-bini wara li l-parti t’isfel tal-iskola mtliet bl-għargħar.

Intant sar magħruf li numru ta’ mejtin fl-għargħar kienu nies li kienu kostretti li jużaw il-wheelchair u li kienu residenti ġo dar għall-anzjani partikulari. Huma ma setgħux isalvaw lilhom infushom waqt li l-ilma tal-għargħar kien qed jimla s-sezzjonijiet t’isfel ta’ din ir-residenza.

L-awtoritajiet qalu wkoll li l-biża’ dwar il-firxa potenzjali tal-coronavirus qed tikkumplika l-isforzi għall-evakwazzjonijiet tan-nies miz-zoni milqutin mill-għargħar – b’dan id-diżastru anki qed iżid il-problemi għal ħafna negozji lokali li diġà kienu ntlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija.