Futbol Sport

Ikkonfermata l-liċenzja tal-UEFA maħruġa lil Floriana

Il-liċenzja tal-UEFA ta’ Floriana ġiet ikkonfermata biex b’hekk se jkunu qed jilagħbu fl-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League. Fi stqarrija fuq il-paġna uffiċjali tagħhom ta’ facebook, Floriana qalu li waqt “il-Laqgħa tal-Kunsill tal-MFA tat-Tlieta, ġie kkonfermat li l-liċenzja miksuba minnhom hi valida wara konsultazzjoni wiesgħa mal-UEFA kif intqal mir-rapport maħruġ miċ-Chairperson tal-Bord tal-Liċenzjar tal-UEFA.”

Iċ-champions lokali se jilagħbu l-Ewwel Rawnd li se jintlagħab fuq logħba waħda, it-Tlieta 18 jew l-Erbgħa 19 ta’ Awwissu. Jekk jikkwalifikaw, jilagħbu fit-Tieni Rawnd il-ġimgħa ta’ wara filwaqt li f’każ ta’ eliminazzjoni, Floriana jilagħbu t-Tieni Rawnd tal-UEFA Europa League fis-17 ta’ Settembru.

Fl-1 ta’ Lulju, Valletta kienu ħarġu stqarrija fejn qalu li kienu talba lill-MFA biex tinvestiga numru ta’ allegazzjonijiet dwar kif Floriana ngħataw il-liċenzja tal-UEFA. F’dik l-istqarrija, Valletta kienu qalu li jekk l-aħbar tkun fin-negattiv, il-klabb kien se jikkunsidra l-għażliet kollha kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Dakinhar stess, Gżira United kienu wkoll kitbu lill-MFA fejn talbu li ssir investigazzjoni fuq informazzjoni li rċevew dwar allegat irregolaritajiet fis-sottomissjoni tal-Liċenzja tal-UEFA minn Floriana.