Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa ngħaqad ma’ kollegi ġejjin minn spettru wiesa’ ta’ partiti politiċi u ppropona t-twaqqif tal-Fond tal-Midja tal-Aħbarijiet – mekkaniżmu permanenti ta’ appoġġ għall-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet. Il-proposta saret f’ittra li ntbagħtet mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja fil-Parlament Ewropew li ntbagħtet lill-awtoritajiet Ewropej, inkluż il-Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet: il-President tal-Kummissjoni von der Leyen, il-President tal-Kunsill Michel u l-President tal-Parlament Sassoli.
F’kummenti wara li ntbagħtet l-ittra, l-MEP Casa nsista li l-pandemija tal-COVID-19 wasslet għall-sfidi finanzjarji kbar għall-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet. “Biex id-demokrazija tkun tista’ tiffunzjona, hemm bżonn li jkollna ġurnalisti indipendenti li jkunu għassiesa fuq il-politiċi. Hu d-dmir tagħna bħala leġislaturi li nassiguraw li d-demokrazija ma tispiċċax vittma tal-pandemija medika. Jien se nkompli nagħmel pressjoni biex nassigura li l-Unjoni Ewropea tiprovdi l-miżuri ta’ appoġġ neċessarji,” qal Casa.
L-ittra, li ntbagħtet ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tispjega r-raġunijiet għalfejn qed issir din it-talba. Il-Membri tal-Parlament Ewropew qed jinsistu wkoll biex il-baġit tal-programm Ewropa Kreattiva jirdoppja għal €2.8 miljun, li jinqasam bejn l-Istati Membri kollha. Il-Membri talbu wkoll għal żieda fil-finanzjament tal-Fond tal-Ġustizzja, d-Drittijiet u l-Valuri li hu kruċjali għall-protezzjoni tal-ġurnalisti indipendenti.
David Casa qal: “Jien ninsisti mal-Gvernijiet tal-UE, inkluż il-Gvern Malti, biex jassiguraw li s-settur tal-midja, li hu wieħed minn dawk milquta l-agħar mill-pandemija tal-COVID-19, jkun indirizzat fil-programmi ta’ rkupru diversi li jeżistu fid-diversi Stati Membri. Din hi opportunità għalina wkoll biex nfakkru l-impenn tagħna għas-settur tal-midja li hu r-raba’ pilastru tad-demokrazija.”
//= $special ?>

