Lokali Saħħa

Irtira l-kuntratt ta’ Steward issa! – il-UĦM u l-MAM

Stqarrija konġunta bejn il-MAM u l-UĦM Voice of the Workers

“Il-Gvern ma għandux triq oħra ħlief li minnufih jirtira mill-kuntratt ma’ Steward Health Care. Jidher li l-kuntratt huwa wieħed ivvizzjatt u qatt ma kellu jsir. Dan sar għat-telf tal-miljuni kbar għad-dannu tal-Pazjent Malti u Għawdxi. Il-Gvern għandu wkoll jassorbi l-ħaddiema kollha li huma mpjegati ma’ Steward, iħallashom paga xierqa u jagħtihom is-serħan tal-moħħ li sal-lum għad ma kellhomx.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija tal-UĦM Voice of the Workers flimkien mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) wara li fi kliemhom erba’ snin ilu kienu talbu lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga l-kuntratti ta’ Vitals, b’illum joħroġ l-ewwel rapport minn tlieta.

Iż-żewġ Unions kienu qajmu dubji serji fuq kemm dan il-kuntratt huwa ta’ benefiċċju għall-Maltin u l-Għawdxin, f’dan ir-rapport l-Awditur iddefinixxa dan il-kuntratt bħala wieħed li sar b’kollużjoni sħiħa mal-Gvern u li Vitals Healthcare ma kienux lesti sabiex imexxu dawn l-isptarijiet b’serjetà u saħansitra jagħmlu t-tibdil neċessarju li kien wiegħdu. Huma żiedu jgħidu li dan għaliex wara sitt snin li suppost beda x-xogħol u tliet snin wara li suppost tlesta x-xogħol ma nfetħet l-ebda sala ġdida u wisq anqas sptar ġdid.

B’hekk, huma qed jimponu fuq il-Gvern biex jirtira minnufih il-kuntratt ma’ Steward Health Care.