Futbol Sport

It-tielet telfa fl-aħħar ħames logħbiet għal Lazio

(Ritratt: EPA)

Jekk it-tamiet ta’ Lazio li jirbħu l-kampjonat kważi spiċċaw is-Sibt li għadda mat-telfa kontra Milan, it-tamiet tal-Biancocelesti taru mar-riħ wara li kienu megħluba 2-1 minn Lecce fi Stadio Via del Mare. Dawn il-punti huma importanti għal Lecce hekk kif qed jittamaw li jevitaw ir-relegazzjoni.

Marco Mancosu kien għoddu fetaħ l-iskor wara żewġ minuti b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa iżda gowl tħassar bil-VAR minħabba li kkontrolla l-ballun b’idu fl-azzjoni. Tliet minuti wara, Lazio marru fil-vantaġġ permezz ta’ FELIPE CAICEDO wara żball tal-gowlkiper Gabriel.ż

Lecce ġabu d-draw man-nofs siegħa logħob meta minn kross mil-lemin, KHOUMA BABACAR għeleb lil Thomas Strakosha b’daqqa ta’ ras. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Mancosu falla penalty. Il-gowl deċiżiv wasal fis-47 minuta b’daqqa ta’ ras tad-difensur FABIO LUCIONI. Lazio żiedu l-pressjoni biex tal-anqas jevitaw it-telfa iżda sabu quddiemhom lil Gabriel li salva b’mod providenzjali.