Lokali

AĠĠORNATA: Raġel fil-periklu tal-mewt wara ħabta fil-Magħtab

Inċident ikrah fl-Impjant tal-Magħtab, ħalla persuna tissielet għal ħajjitha, u persuna oħra b’feriti ħfief..

Iż-żewġt irġiel ttieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara ħabta bejn żewġ vetturi li seħħet fit-triq li twassal għad-daħla tal-Magħtab; ħabta li seħħet ftit qabel id-9 ta’ filgħodu.

Fl-inċident kienu involuti vann tat-tip Isuzu Elf u trakk tat-tip Mercedes Ateco li jgorr l-iskips… illi inqaleb fil-ġenb tat-triq, bis-sewwieq jispiċċa maqbud fih.

Il-vann ġarrab ħsarat estensivi, bil-konsegwenza li x-xufier ta’ din il-vettura wkoll nqabad ġewwa. L-impatt bejn it-trakk u l-vann tant kien kbir li t-trakk spiċċa qala’ l-crash barriers u weħel fuq in-naħa tal-landfill.

Fil-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew l-operazzjoni ta’ salvataġġ sabiex ix-xufiera jinħarġu mill-vetturi rispettivi. Fil-każ tas-sewwieq tal-vann, il-membri tas-CPD kellhom iqattgħu s-saqaf biex joġorguh.

Iż-zżwġt irgiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’żewġ ambulanzi li waslu fil-post biex jassistu fl-operazzjoni li kienet għaddejja.

Aktar tard, irriżulta li x-xufier tal-van, raġel ta’ 33 sena residenti Ħaż-Żabbar, sofra ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt, filwaqt li r-raġel ta’ 53 sena min-Naxxar li kien qed isuq it-trakk, sofra feriti ħfief.

Dwar il-każ infetħet Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.