Coronavirus Lokali

Każ ieħor ġdid illi daħal mill-ajruport

Persuna oħra tirkupra minn din l-imxija

Fl-aħħar 24 siegħa ġie rreġistrat każ pożittiv ġdid ta’ Coronavirus f’pajjiżna, dan hekk kif saru 930 test.

Skont il-paġna ta’ Facebook tas-Saħħa, il-każ huwa impurtat, barrani, residenti Malta, li ġie lura f’titjira ta’ ripatrijazzjoni. In-nazzjonalità tiegħu mhux magħrufa, u ma ngħataw l-ebda dettalji jekk dan kellux is-sintomi jew le.

Sa issa f’din it-tmintax-il ġimgħa ta’ din l-imxija fostna kellna każ wieħed biss pożittiv, bit-total ta’ każijiet pożittivi issa jitla’ għal 673, filwaqt li l-każijiet baqgħu 11, dan hekk kif fl-aħħar sigħat fieq każ ieħor.

Riżultat pożittiv huwa li kollox qed jindika li Malta għandha l-anqas numru ta’ każi attivi mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Intant waqt is-seduta Parlamentari tat-Tnejn intqal li 47 persuna għamlu swab test għall-COVID-19 għaxar darbiet. Dan filwaqt li ftit iktar minn 10,000  persuna li għamlu swab test darbtejn u madwar 2,500 għamluh tliet darbiet.

L-akbar numru ta’ testijiet saru f’Mejju, hekk kif dawn laħqu kwazi 29,000 test. 

Intant, mill-persuni kollha li rriżultaw pożittivi għal dan il-virus, kien hemm 469 Malti u 202 ta’ nazzjonalità barranija, b’dawn tal-aħħar ġew minn 13-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea u minn 40 pajjiż ieħor.