Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

KONFERMA: Il-problemi ekonomiċi għall-Gvern bdew ferm qabel il-Covid

Rapport li ħareġ it-Tlieta juri biċ-ċar li l-ekonomija lokali matul din is-sena se titnaqqar b’6 fil-mija

Rapport dettaljat tal-Kummissjoni Ewropea jikkonferma li d-daqqa fuq l-ekonomija bdiet qabel l-effetti tal-pandemija – konferma li l-bozza l-ħamra għall-Gvern kienet ilha li xegħlet.

Fil-fatt, huwa ċar li l-kriżi politika ta’ Novembru-Dicembru 2019, kif ukoll in-nuqqas ta’ fiduċja minn naħa tal-investituri wasslu ghal slow-down ekonomiku li beda xhur qabel ma’ tfaċċa l-ewwel każ ta’ Covid f’pajjiżna.

L-istess Rapport li ħareg it-Tlieta juri biċ-ċar li l-ekonomija lokali matul din is-sena se titnaqqar b’6 fil-mija. Sakemm imbgħad terġa’ tibda tirpilja fl-2021.

Id-data tal-Kummissjoni Ewropea turi li r-riċessjoni fil-kontinent Ewropew għal din is-sena se tkun ferm agħar minn dak li tbassar.

Skont it-tbassir rivedut tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija fiż-Żona Ewro mistennija tieħu daqqa 8.7%. Fost l-aktar pajjiżi milquta hemm l-Italja, Spanja u Franza – tliet pajjiżi li ħassew mhux ftit id-daqqa tal-pandemija kemm mil-lat mediku kif ukoll mill-aspett ekonomiku.

Intant, fl-istess jum li fih l-EU ppubblikat din l-informazzjoni, ħarget twissija biex il-pajjiżi jħarsu s-Saltna tad-Dritt.

Il-Vici President tal-Kummissjoni Vera Yourova qed tinsisti li qabel l-UE tagħti flus lill-pajjiżi rispettivi…dawn iridu jassiguraw li l-Gvernijiet tagħhom qed josservaw is-Saltna tad-Dritt, u l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu verament.

Il-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin se jkun diskuss fi Brussell il-ġimgħa d-dieħla, u parti minnu se jkun il-famuż Recovery Fund biex il-pajjiżi joħorġu mid-daqqa tal-Covid-19. Minn dan il-fond, pajjiżna mistenni jieħu kważi biljun ewro – bi 350 miljun ikunu fondi diretti għall-gid tal-ħaddiema Maltin u Ghawdxin.