Lokali Saħħa

Konrad Mizzi jinsisti li “il-Kabinett kollu kien involut”

Wara li ħareġ ir-rapport iebes tal-NAO dwar l-isptarijiet, pront wieġeb l-eks Ministru Konrad Mizzi li kien hu il-Ministru tas-Saħħa fiż-żmien meta sar dan id-deal.

Ironikament, issa Konrad Mizzi qed jgħid li l-proposta diskussa ma’ Vitals “ma kinitx tagħmel sens” – xi ħaġa ġdida li qed jgħidha biss issa li ħarġet il-kundanna tal-Awditur Ġenerali.

Konrad Mizzi insista wkoll fuq il-fatt li l-Kabinett kollha kien imdaħħal f’dan id-deal.

“Ir-rapport u l-konklużjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, kif ukoll il-kuntratti li ġew eventwalment iffirmati, kienu approvati mill-Kabinett tal-Ministri. Fil-fatt, il-Kabinett kien involut f’kull stadju tal-proċess u approva kull kuntratt iffirmat”, qal id-deputat indipendenti fuq Facebook.

Mizzi qal ukoll li l-Malta Enterprise “kienu ippreżentaw il-proġett maħsub fl-MOU lill-Ministeru tas-Saħħa. Però konna spjegajna lill-Malta Enterprise li l-proposta li kienet iddiskutiet mal-investituri ma kinitx tagħmel sens fid-dawl tal-ħtiġiet tas-saħħa pubblika.”