Mara li saret tħobb raġel li kien miżżewweġ u li li mingħaliha kien jismu Keith Bonello meta fil-fatt kien jismu Christian Demanuele ġiet iffrodata minnu s-somma ta’ €48,100.
Huwa kien jitlobha l-flus li kienet tagħtihomlu b’għajnejha magħluqa għax kien jgħidilha li kien qed imur il-Ġermanja biex jingħata l-kura għall-kanċer meta fil-fatt kien qed imur ir-Repubblika Ċeka.
Il-Pulizija Maltija ma setgħetx issib lil Demanuele ta’ 44 sena residenti l-Qawra, u kellha tirrikorri għal Mandat ta’ Arrest Ewropew biex huwa jinġieb Malta biex jiġi nvestigat.
Ir-raġel li kien joħroġ magħha kienet juża’ l-isem fittizzju ta’ Keith Bonello u saret taf li jismu propja Christian Demanuele meta l-Ispettur Rennie Stivala beda jinvestigah wara li anke iffalsifika firma għad-dannu ta’ martu biex għamel qliegħ b’qerq ta’ €10,000.
Huwa ġie kundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Josette Demicoli wara li nstab ħati li ffroda persuna bejn is-snin 2010 u 2013. Huwa nstab ħati li b’egħmil qarrieqi għamel qliegħ b’qerq ta’ €48,100 fil-konfront ta’ dik li kienet il-maħbuba tiegħu.
Christian Demanuele nstab ħati wkoll li fit-28 ta’ Lulju 2009 u qabel għamel falsifikazzjoni f’att awtentiku u pubbliku, jew fi skrittura kummercjali jew ta’ bank privat,
L-Ispettur Rennie Stivala li mexxa l-Prosekuzzjoni kien xehed li f’Mejju 2013 kien ġie assenjat investigazzjoni peress li kienet waslet kwerela f’isem Denise Demanuele kontra żewġha l-imputat Christian Demanuele
Huma kienu Diretturi tal-kumpanija CS Motorsports Limited, liema kumpanija kienet attiva fil-qasam tal-manutenzjoni tal-vetturi. F’Lulju tal-2009 din il-kumpanija kellha bżonn tieħu faċilità finanzjarja u imtliet il-formola biex id-diretturi joqogħdu garanti personalment. Din il-garanzija kienet għal €10,000.
L-Ispettur xehed li huwa ngħata kopja ta’ dan id-dokument u fuqu hemm firem kemm tal-imputat, ta’ martu u ufficjali tal-Bank. Il-mara allegat li l-firma li hemm fuq id-dokument ma’ kinitx tagħha u hija qatt ma kienet rat l-istess document u lanqas ffirmatu.
Tenniet li kienet irċeviet kopja mill-Bank u saret taf li hija garanti ta’ €10,000. Hija qalet lill-Ispettiur li meta kellmet lil żewġha qalilha li kellu bżonn self u ma xtaqx jinkwetaha u ma qalilha xejn.
Kompliet l-investigazzjoni fuq l-imputat u rriżulta li seta’ kien hemm każ ta’ frodi fil-konfront ta’ ċertu Tanya Attard. Irriżulta dan ghax il-mara tal-imputat tathom isem li kien qiegħed juża l-imputat li dan kien Keith Bonello.
Tathom dettalji ta’ email address u xi numri tat-telefowns li kien qiegħed juża l-imputat. Qaltlu li żewġha aktarx ma kienx jinsab Malta u li x’aktarx kien fir-Repubblika Ċeka u li ma kienx faċli wisq li jsir kuntatt miegħu.
Ghalhekk l-Ispettur bagħat għal Tanya Attard li qalet li kellha relazzjoni ma’ Keith Bonello li kienet ilha sejra madwar erba’ snin. Matul ir-relazzjoni kien jgħidilha li kien isiefer ħafna fuq xogħol.
Huwa kien igħidilha li kellu ħafna problemi ta’ saħħa u għaldaqstant kellu bżonn ċertu ammonti ta’ flus. Meta kienet tarah b’dak il-mod u kien jitlobha hija kienet toffri li tgħinu u tisilfu l-flus. Tul dawn l-erba’ snin hija sellfitu l-ammont ta’ €48,100.
Semmiet ukoll diversi kumpaniji li Keith Bonello suppost kien jahdem maghhom. L-Uffiċjal Prosekutur kompla li meta huwa semma lil Christian Demanuele, Tanya Attard weġbitu li hija taf lil Christian Demanuele bħala l-ħabib tal-għarus tagħha għaliex huwa kien jgħidilha li għandu ħabib tiegħu jismu Christian Demanuele.
Fil-fatt ġieli anki pagamenti fuq il-visa ta’ Christian Demanuele bagħtet ghaliex qalilha li tant huma ħbieb li ġieli jużaw il-cards ta’ xulxin. Sussegwentement huwa uriha r-ritratt ta’ Christian Demanuele u qaltlu dak mhux Demanuele imma Keith Bonello l-għarus tagħha.
L-Ispettur spjegalha li Keith Bonello huwa isem vvintat, ikkrejat u bhala identità ma jeżistix u dik l-identita’ tgħajjat lil Christian Demanuele u hija kienet xxukkjata.
Tanya Attard qalet li kienet qegħda ssir taf dakinhar tat18 ta’ Settembru 2013 li Keith Bonello u Christian Demanuele huma l-istess persuna. L-uffiċjal Prosekutur qal li huwa pprova jara fejn seta’ jikkuntattja lil Christian Demanuele imma ma nstabx.
Tanya Attard tatu diversi modi ta’ kif seta’ jikkuntatjah dejjem jirreferu għal Keith Bonello – fejn tagħtu żewġ mobiles u indirizz tal-email. Il-Pulizija ppruvat tagħmel kuntatt permezz ta’ diversi modi pero ma rnexxilhomx u għalhekk ġie deċizżli jinhareg Mandat ta’ Arrest Ewropew.
Dan inħareġ, intbagħat u ntalbet l-assistenza tal-Pulizija fl-Ewropa u l-Pulizija tar-Repubblika Ċeka rrispondew li kienu sabuh. Meta ġie nfurmat bl-akkużi, Christian Demanuele rrifjuta li jiġi.
Huwa inġab Malta fid-19 ta’ Marzu 2014 u ġie mitkellem mill-Ispettur dakinhar stess. L-ispettur qal li meta kellem lill-imputat qallu li seta’ ċempillu u kien jiġi mill-ewwel u ma kellux għalfejn jarrestah,
L-imputat ma meriehx l-ammont li Tanya Attard setgħet għaddietlu u qal li kien ha jagħmel kuntatt mal-avukat tiegħu biex ikun jista’ jħallasha. Huwa ċahad pero’ li huwa dejjem ħadem magħha tramite identità fittizja.
Dwar il-firma allegatament iffalsifikata ta’ martu ċaħad u qal li martu għamlitha. Dwar l-email account tiegħu fuq l-isem ta’ Keith Bonello, wieġeb li ħolqu hu u kien jużah u tah minħabba li martu kienet tikkontrollalu ħafna affarijiet .
Waqt li kien għaddej bl-investigazzjoni,qal l-Ispettur kien daħal ir-rapport ta’ Tanya Attard u ghalhekk kien bagħat ghaliha u wessa l-investigazzjoni tieghu.
Il-mara tal-imputat xehdet li hija kienet irċeviet ittra mill-Bank of Valletta plc li kienet għadha kif iffirmat fuq CS Motorsports ta’ €10,000 u hija qatt ma kienet iffirmat tali garanzija.
Hija spjegat li hija flimkien ma’ żewġha li huwa l-imputat kellhom din il-kumpanija flimkien. Hija marret il-ħanut u wriet l-ittra lil żewġha u staqsitu x’kienet il-karta.
Qalilha li kien żball min-naħa tal-Bank u hija bdiet iċċempel il-Bank u huwa qatalha l-linja u beda jibki u qalilha li kien ġab xi vettura għal xi klijenti u meta rawha reġa’ bdilhom u ma riedux jixtru u qalilha li ffalsifika l-firma tagħha. Qalilha li kien għamel hekk biex ma jinkwetahix.
Hija qaltlu li kiser il-liġi u huwa weġibha li ħadd ma kien se jemminha u kien se jgħid li għax hija bdiet iżżomm lit-tifla f’idejha li l-firma tagħha ma ġietx cara. Imbagħad qalilha li kien se jbiegħ il-vann u jerġa’’ jaghmel id-deposit fil-Bank biex jaqta’ dan is-self.
Huwa biegħ il-vann lil xi ħadd li kellu garaxx u ftehem miegħu li minflok flus ikollu żmien ma jħallasx kera. Il-Bank bdew jiġru warajha biex tħallas u hija qaltilhom li ma kienitx se tħallas għax hija ma ffirmatx.
Hija spjegat li hemm ħafna aktar dejn minħabba l-kumpanija li kellhom għaliex kellhom overdraft u għamlu tajjeb bid-dar tant li issa se jispiċċaw bla dar.
Wara li saret taf fuq din il-firma l-imputat qalilha li kellu blockage fil-vina tal-moħħ u qalilha li ried jitla’ l-Ġermanja biex jagħmel xi testijiet. Kien jitla’ kull hames/sitt gimgħat. Kien fuq dieta stretta u jieħu l-pilloli.
Wara ftit beda jieħu l-flus mill-overdraft għar-raġunijiet ta’ sahha. Imbagħad bdiet tissuspetta hażin u saret taf li mhux veru kien marid u kien qiegħed imur Praga.
Il-mara tal-imputat qalet li darba qabdet it-telephone u rrisponditha tfajla u x-xhud staqsitha jekk kinitx taf lil Christian Demanuele minn Malta. Din weġbitha li hija ma ma kienitx tafu u l-uniku link li kellha ma’ Malta kien il-boyfriend tagħha li jismu Keith Bonello.
Hija ddeskrivitilha u qaltilha li kien twil, fih raġel u għandu tattoo fuq driegħu. Ix-xhud qaltilha li dak kien żewġha u kienu ilhom miżżewwpin 15-il sena u kellhom żewġt itfal.
It-tfajla ma kinitx taf għaliex qalilha li kien single u ried jiżżewweġ lilha. Skennjatilha ritratt tal-imputat u t-tfajla kkonfermat li kien l-istess persuna. Qaltilha li kienet iltaqgħet miegħu permezz ta’ website ‘plan at romance’. Daħlet fiha u sabet ritratt ta’ żewġha bl-isem ta’ Keith Bonello.
Kif saret taf bdiet mill-ewwel il-proċeduri tas-separazzjoni. Fil-bidu ċaħad u qal li qatt ma uħa il-website iżda meta affaċċatu u qaltlu li tkellmet mat-tfajla ammetta li kien tradiha iżda qalilha li għamel hekk darba biss.
Iżda wara saret taf li kien hemm aktar nisa. Saret taf ukoll li f’Malta kellu relazzjoni ma’ mara, Tanya Attard, u qalilha li kellu cancer ġo moħħu u hija tatu ħafna flus u mhux veru kien marid.
Tanya Attard qalet fil-Qorti li hija ltaqghet mal-imputat permezz ta’ website fuq l-internet fejn huwa identifika ruhu bhala Keith Bonello. Dan mhux kontestat minnu.
Qalilha li kien jahdem mal-Pentapharm, iżda hija qatt ma marret tarah fuq il-post tax-xoghol u kien qalilha li jsiefer ħafna. Xehdet li wara li kien ilhom kważi sena flimkien beda igħidilha li kien ma jiflaħx u kien barra b’xogħol u ħassu ħażin u kellu bzonn jagħmel operazzjoni u ma kellux min jgħinu u hija qaltlu li fejn setgħet tgħinu kienet se tgħinu.
Semmielha xi insurance tax-xogħol u kien qalilha li kif ituh is-somma kien jagħtiha l-flus lura u b’hekk offrietlu l-flus. Għall-operazzjoni biss tagħtu €18,000.
Hija kkonfermat li offriet li sselliflu l-flus ghaliex huwa assikuraha li kien se jagħtiha kollox lura u qalilha biex jagħmlu kollox bil-miktub. Apparti din is-somma kien hemm flus ohra li b’kollox iqarreb il-€50,000.
Dawn kienu jinkludu spejjeż biex joħroġ mix-xogħol, spejjeż għall-isptarijiet u mediċini. Spjegat xi flus tathomlu kontanti, u oħrajn għamlet bank transfer u oħrajn bil-Western Union.
Il-Qorti qalet li l-provi kollha jippuntaw lejn l-imputat u li kien huwa li ffirma l-istess garanzija bankarja minflok martu għaliex kien jaf li martu ma kinitx se tkun favur li tiġi ffirmata għaliex diġa’ kellhom ‘overdraft facility’ fuq il-kumpanija tagġhom.
Ingħad ukoll li huwa għadu ma radd xejn lil Tanya Attard u lanqas wera xi rimors tat-tbatija li kkawża liz-zewż nisa. Il-Qorti filwaqt li kkunsidrat il-kondotta nadifa ta’ Demanuele qalet li s-serjeta’ tal-akkużi jimmeritaw li l-imputat jiġi kkundannat għal sentenza ta’ priġunerija effettiva u li għandu jkun hemm ordni biex huwa jħallas lil Tanya Attard lura.
Huwa ġie kkundannat għal tliet snin priġunerija li minnhom irid jitnaqqas il-perjodu li huwa għamel taħt arrest preventiv u li jrid iħallas lil Tanya Attard l-ammont ta’ €48,100 fi żmien tlett snin.
//= $special ?>