Lokali

PANAMA PAPERS: Rapporti jindikaw li l-AĠ kien wissa lill-Pulizija biex ma jkunux “drastiċi”

Kulħadd jiftakar meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers fl-2016, u dak kollu li kienet żvelat il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Kulħadd jiftakar il-kritika li kien irċieva l-Korp tal-Pulizija għaliex ma nvestigax mal-ewwel dawn l-akkużi serjissimi fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi. U kulħadd jiftakar kif madwar id-dinja dan l-iskandlu kien ħoloq terremot sħiħ, bi Prim Ministri jiġu investigati.

Illum, it-Times qed tiżvela dik li tista’ tkun parti mir-raġuni għaliex il-Pulizija dak iż-żmien ma nvestigawx, u kien biss sena wara li ttieħdet l-informazzjoni mingħand il-kumpanija ta’ awdituri Nexia BT. Biex imbgħad sentejn wara bdiet formalment l-investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama.

Skont żewġ sorsi li tkellmu mat-Times of Malta, kien l-Avukat Ġenerali Peter Grech li ta l-parir lill-Pulizija biex joqgħodu attenti meta jiġbru l-evidenza mill-uffiċini ta’ Nexia BT. Dan għaliex skont l-Avukat Ġenerali, din il-mossa tal-Pulizija setgħet tkun “drastika” għaliex kien hemm “riskji legali”.

F’nota li kiteb lill-Pulizija f’Mejju 2016, Peter Grech kien insista li l-Pulizija ikunu qed jindaħlu wisq jekk imexxu fuq ir-rapport tal-FIAU, liema rapport kien qed jagħti parir biex jiġu sekwestrati u investigati s-servers ta’ Nexia BT – u allura dik id-ditta li kienet fetħet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama għal Konrad Mizzi u Keith Schembri.