Futbol Sport

Rebħa għal Chelsea li tiswa mitqlu deheb u Norwich kważi matematikament relegati

(Ritratt: EPA)

Chelsea għamlu pass ieħor importanti biex jiksbu post fil-UEFA Champions League b’rebħa ta’ 3-2 kontra Crystal Palace f’Selhurst Park. Olivier Giroud fetaħ l-iskor wara sitt minuti meta kompla għal ġewwa wara li rċieva kross fil-baxx ta’ Willian biex Christian Pulisic irdoppja fis-27 minuta b’xutt b’saħħtu fuq l-ewwel lasta.

Crystal Palace naqqsu d-distakk fl-34 minuta b’xutt mill-isbaħ ta’ Wilfried Zaha li spiċċa fis-saqaf tax-xibka. Chelsea ħasbu li għalqu l-logħba fil-71 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Tammy Abraham iżda minuta wara Christian Benteke ħalla lil Palace fil-logħba. Lejn it-tmiem Scott Dann mar viċin li jiskorja l-gowl tad-draw iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ħabtet mal-lasta.

Watford kważi kkundannaw lil Norwich matematikament fiċ-Championship b’rebħa ta’ 2-1 f’Vicarage Road. Ironikament Emiliano Buendia poġġa lil Norwich fil-vantaġġ. Craig Dawson ġab id-draw fl-10 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin biex rovvexxjata ta’ Danny Welbeck fil-55 minuta, tat rebħa importanti lit-tim ta’ Nigel Pearson.