Lokali Qorti

Servers ta’ Nexia BT b’aċċess tal-kontijiet fil-Panama ta’ Mizzi u Schembri nqabdu aktar minn sena wara

Is-servers ta’ Nexia BT, li ħadet ħsieb li tiftaħ il-kumpaniji fil-Panama lil Konrad Mizzi u Keith Schembri ġew aċċessati mill-Pulizija ftit aktar minn sena wara li dan l-iskandlu ħareġ fil-pubbliku.

Fir-rapport tiegħu, Ian Abdilla iġġustifika dan billi rrimarka li l-aċċess tas-servers jista ‘jħalli lill-pulizija esposta għal azzjoni legali minn Nexia BT u dan peress li l-informazzjoni “tista’ ma tkunx hemm, setgħet ġiet imħassra jew modifikata”.

Madankollu Abdilla qal “żbaljajna fl-investigazzjoni tagħna u kieku llum konn a nagħmlu l-affarijiet differenti. Informazzjoni setgħet tħassret jew ġiet encrypted, ” qal Ian Abdilla.

“B’mod volontarju allura tiddeċiedi li tistenna qabel tinvestiga s-servers ta’ Nexia BT, u dan fisser li l-investigazzjoni ġiet kompromessa”, irrimmarka l-Imħallef Emeritu Michael Mallia. Ix-xhud qal vera, żbaljajna, imma wara kulħadd bravu.

Qal ukoll fuq domanda oħra li d-deċiżjoni biex is-servers idumu ma jiġu aċċessati kienet ittieħdet minnu flimkien ma’ Silvio Valletta u l-Kummissarju tal-Pulizija fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali.

Fuq mistoqsija tal-Avukat Therese Comodini Cachia, għaliex il-Pulizija stennew iktar minn sena biex ikollhom aċċess għas-servers, meta jafu sewwa li kien taw ħafna żmien biex l-informazzjoni tista titħassar minn fuqhom, Abdilla wieġeb -“Din kienet id-deċiżjoni li ħadna dak iż-żmien.”

Dawn id-domandi pertitenti komplew isiru fil-konfront tal-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija u Kap tat-Taqsima tar-Reati Ekonomożi Ian Abdilla fl-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galaizia biex jiġi stabbilit jekk l-investigazzjoni mxiet kif suppost.

L-Imħallef Michael Mallia qal lil Abdilla: “Il-konklużjoni tiegħi hija li taf li l-evidenza kienet se tiġi kompromessa sew, u inti xorta stennejt sena. Din mhux investigazzjoni serja.”

Abdilla qal li kieku Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu interrogati mill-Pulizija, dawn probabbli kienu jiddikjaraw li għandhom l-istrutturi tal-Panama, li mhumiex illegali u l-istorja kenet tieqaf hemm.

Kompla jgħid “ridna nsegwu l-flus u nippruvaw li kien hemm ħasil ta ‘flus.” L-Avukat Azzopardi qal li t-twettiq tal-istrutturi kien diġà illegali. “L-intenzjoni li taħsel il-flus hija diġà illegali,”

L-Avukat Jason Azzopardi qara minn dokument u semma kif Tillgate – li hija ta’ Keith Schembri – kienet mistennija tagħmel qligħ ta’ €300,000 fis-sena. Huwa nnota li l-kumpanija Kasco ta’ Keith Schembri, irreġistrat tnaqqis fil-qliegħ għal sentejn konsekuttivi u għaldaqstant tqum il-mistoqsija kif kien possibbli għalih li jagħmel €300,000 fi profitti.

Huwa staqsa lil Abdilla jekk dan kollu hux suspettuż għalih. Abdilla hawn jibqa ’sieket. L-Avukat Jason Azzopardi ikkwota rapport tal-FIAU fuq numru ta’ suspetti dwar l-istrutturi ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, inklużi strutturi li huma wisq espansivi u numru ta ’proprjetajiet fl-Ingilterra meqjusa suspettużi wisq.

Hawn Ian Abdilla jaqbel mal-fatt li dawn wasslu għal numru ta ’suspetti. L-Avukat Jason Azzopardi kompla: “Dan kollu u l-ebda suspett ma daħal f’moħħok li att kriminali seta’ twettaq, seta’ jitwettaq bħalissa jew qed ikun ippjanat?”

“L-FIAU għandha s-setgħat biex tinvestiga l-iffinanzjar tat-terroriżmu, kien hemm ir-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers madwar id-dinja, għandek is-suspetti raġonevoli, tista ‘ssib faċilment ukoll l-assi tal-ministru, u għadkhom m’għamilt xejn?” kompla jistaqsi l-Avukat Azzopardi.

L-Avukat staqsa wkoll lil Abdilla jekk il-Pulizija qatt kinitx imħarrka għad-danni fejn jemmen li qatt ma kienu. Abdilla qal li ma jaqbilx dwar dan u tenna li l-iskwadra tiegħu kienet ġiet imħarrka darba.

Fuq rapport li għamel Abdilla kiteb li kien hemm suspettati dwar trusts li fetħu Mizzi u Schembri u kif ma sar xejn dwarhom. Ian Abdilla jgħid li hu qatt ma qal li l-Panama Papers m’għandhomx jiġu investigati, u qabel ma’ Dr Azzopardi li kien hemm bażi għal investigazzjoni.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa kif baqa’ ma nvestigax u kif ma ndunax li kien qed isir, sar, jew se jsir reat. Abdilla wieġeb li wieħed jista’ ma jaqbilx dwar kif imxiet il-Pulizija, imma li sar, sar bi spirtu tajjeb.

Abdilla fix-xhieda tieg]u qal li kien ikun inutli li jistaqsu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi għaliex fetħu l-kumpaniji tal-Panama tagħhom. “Kellna bżonn insibu prova ta ‘ħasil ta’ flus u illegalità,” huwa saħaq.

Il-Bord ta’ Inkjesta esprima r-rabja u l-frustrazzjoni li fl-aħħar seduta Ian Abdilla ma qalx il-verità kollha taħt ġurament. Il-Bord qal li huwa qed jinnota li Abdilla qed isemmi r-rapport issa, wara dak li ħareġ fl-aħħar ġimgħa.

Dan ukoll fil-kuntest li l-file li fih l-Avukat Ġenerali ħalla nota dwar l-investigazzjonijiet tal-Panama Papers ġie ppreżentat fil-Qorti. Il-Bord tal-Inkjesta staqsa lil Abdilla dwar l-aħħar xhieda tiegħu, dwar “il-parir’ li ngħata mill-Avukat Ġenerali biex l-investigazzjonijiet tal-Panama Papers jittieħdu bil-kalma u b’attenzjoni.

Dan kollu wara li Abdilla kkonferma li kellu laqgħat mal-Avukat Ġenerali fuq ir-referenza li huwa għamel biex jieħdu l-affarijiet bil-mod. Stqarr li r-rapport tiegħu dwar il-Panama Papers iddiskutieh mal-Avukat Ġenerali. Xi ħaġa li ma qalx il-ġimgħa l-oħra.

Ma jiftakarx jekk Silvio Valletta, l-Eks Assistent Kummissarju, kienx preżenti miegħu għal din il-laqgħa. Ikkonferma li l-file kien ta’ tħassib kbir għall-Pulizija. Il-Bord hawn staqsu “allura kif m’għamiltu xejn fuq dan kollu, anke wara r-rapport tal-FIAU?”

Il-Bord tal-Inkjesta qal li jinsab konvint li Abdilla għandu informazzjoni dwar MacBridge u mhux le kif qal hu. Il-Bord għal darba darbtejn staqsa lil Abdilla dwar kemm influwenzah il-parir tal-Avukat Ġenerali biex jimxu bil-mod fl-investigazzjonijiet tal-Panama Papers.

Il-Bord jinnota li dan għadu ta’ tħassib kbir għax jinvolvi persuni espospti politikament fejn il-Bord minbarra l-poltiċi li messhom diġa ġew investigati. Abdilla ikkonferma li lanqas għal Brian Tonna qatt ma bagħat, għax hu qatt ma jibgħat għal nies fuq aħbarijiet li joħorġu fuq il-media.

L-Imħallef Abigail Lofaro, qaltlu li dawn huma affarijiet li ħarġu fil-beraħ u xorta ma sar xejn. Għal darba oħra x-xhieda ta’ Ian Abdilla ftit li xejn kienet konvinċenti għal Bord fejn deheru mhumiex konvinti mix-xhieda li qed tingħata.

Ix-xhud qal li sal-lum lanqas għadhom jafu xejn fuq McBridge ta min hi. Qal li ma deherlux li għandu jistaqsi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri fuq il-kontijiet fil-Panama. L-Imħallef Mallia qallu ‘għaliex le” u l-eks Prim Imħallef Said Pullicino jgħidlu – ‘għandek dmir li tagħmel hekk”.

L-eks Assistent Kummissarju Ian Abdilla li nhar il-Ġimgħa xehed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kompla jixhed dalgħodu.

Dak inhar fix-xhieda tiegħu, li parti sostanzjali tagħha kienet bil-magħluq ħareġ li l-investigazzjoni fuq il-Panama Papers ma sar prattikament xejn, bl-Imħallef Abigail Lofaro tistaqsi wkoll lil Abdilla għaliex ma kienx bagħat għal Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Ian Abdilla qal illum li l-ewwel rapport tal-FIAU kien fih ftit informazzjoni dwar Hearnville u Tillgate, il-kumpaniji fil-Panama miftuħa minn Konrad Mizzi u Keith Schembri u għalhekk qagħdu jistennew rapporti oħra li bihom setgħu jmexxu.

Il-Bord baqa’ jinsisti kif inhu possibbli li l-Pulizija ma aċċertawx li dawn il-kumpaniji jiġu investigati. Abdilla qal lill-Bord li huwa legali għal xi ħadd li jiftaħ struttura finanzjarja f’pajjiżi oħra, inkluż fil-Panama. “Il-Panama ma tfissirx ħasil tal-flus”, huwa qal.

Il-Bord tal-Inkjesta ma jaqbilx ma’ din l-istqarrija u staqsa kif persuni nvoluti politikament humiex suġġetti għal ksur ta’ liġi. Ix-xhud qal li hemm negozjanti wkoll li għandhom dawn l-istrutturi fejn semma li Maltin għandhom informazzjoni ta’ xi 80 persuna.

Ix-xhud qal li l-eks Chief of Staff Keith Schembri, huwa wkoll negozjant. L-Imħallef Lofaro kkumentat li kulħadd jaf li fetaħ kumpanija l-Panama għal meta jirtira mill-politika, kif qal”.

Qal ukoll li għalkemm mhux ċert jaħseb li mil-lat amministrattiv, l-investigazzjonijiet fuq Hearnville u Tillgate ġew konklużi. Madanakollu saħaq li ma jistax jikkonferma dan.

Il-Bord qal lix-xhud li fil-file ppreżentat fil-Qorti, Ian Abdilla kiteb li “jista’ ma jkunx hemm provi”. Il-Bord hawn deher xettiku li ma riedx iħalli l-investigazzjoni nofs leħja.

L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet lix-xhud dwar rapport partikolari li ġie sottomess fl-10 ta’ Mejju 2016, fejn hu qal li hu ma jiftakarx jekk xi ħadd qattx tah struzzjonijiet biex jagħmel ir-rapport.

L-inkjesta qed tara jekk kienx hemm xi nuqqasijiet min-naħa tal-istat u l-istituzzjonijiet tiegħu u jekk dan il-qtil tal-ġurnalista setax ikun evitat li kieku ttieħdu l-miżuri f’waqqthom.

Hekk kif beda l-każ il-Bord talab biex jingħata kopja tal-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali li ġie ppubblikat ilbieraħ dwar il-proċess li bih il-VGH xtrat it-tliet sptarijiet.  

L-Avukat Comodini Cachia qalet li r-rapport ġie ppubblikat nhar it-Tlieta, fl-4.00 pm u tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra tar-rappreżentanti fl-istess jum. Stqarret li se tagħmel mezz li kopja tiegħu tiġi ppreżentata fil-Qorti.

Abdilla kien imexxi s-sezzjoni dwar ir-Reati Ekonomiċi u li tneħħa mill-Kummissarju il-ġdid Angelo Gafa u issa tpoġġa bħala Direttur fil-Korp responsabbli mill-Informatika u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni.

Qabel Abdilla xehed Mario Philip Azzopardi li jipproduċi plays teatrali bil-Bord jistaqsih fuq żewġ scripts li kiteb b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne. L-ismijiet tal-plays huma: “Min qatel lil Daphne Caruana Galizia?” u “Ix-Xiħa”.

Huwa qal li l-iscripts qatt ma ġew miktuba, u li kulma kellu huma t-titli u li dawn kienu biss satira. L-intenzjonijiet tiegħu li jipproduċi dawn il-plays kienu purament artistiċi. Tenna li l-kuntratt tiegħu jitlob li jipproduċi tliet plays fis-sena u li għadu kif spiċċa jikteb il-play “ix-Xiħa” li tinkludi l-karattru tal-blogger – Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li dawn il-plays isiru kullimkien u li l-ewwel play “Min qatel lil Daphne Caruana Galizia?” kienet inkitbet sena u nofs qabel il-qtil tagħha. Din tas-sartira qal li hija xi ħaġa li ssir f’diversi pajjiżi fejn kienet saret ukoll waħda fuq il-Prim Ingliża Margaret Thatcher fl-Ingilterra.

Tenna li l-play “Ix-Xiħa” hija dwar politiċi korrotti u kif il-poplu kien u għadu immannipulat wisq fuq il-politiċi. Huwa qabbel waħda mill-plays tiegħu mal-play “The assassination of Margaret Thatcher”.

Mario Philip Azzopardi qal li darba hu kien ġie intervistat minn Daphne Caruana Galizia. Qal li ma kellux relazzjoni tajba magħha fuq livell professjonali u li Caruana Galizia kienet tikkritikah ħafna fil-bloggs tagħha.

L-inkjesta pubblika hija mmexxija mill-Imħallef irtirat Michael Mallia, l-ex-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru għall-familja Caruana Galizia. Nhar il-Ġimgħa, il-Bord qal li se jkun irid jagħmel aktar domandi lil Abdilla.