Futbol Sport

Eric Dier sospiż erba’ logħbiet wara l-inċident ta’ Marzu li għadda

(Ritratt: EPA)

Il-plejer ta’ Tottenham Eric Dier ġie sospiż erba’ logħbiet u mmultat kważi €45,000 talli tela’ fl-istands biex jikkonfronta partitarju. L-inċident seħħ wara li Tottenham kienu eliminati mill-FA Cup f’darhom kontra Norwich.

L-FA Ingliża ssospendiet lil Dier b’konsegwenza li l-plejer ta’ 26 sena se jitlef il-logħbiet li fadal fil-Premier League b’eċċezzjoni ta’ logħba. Dier kien imwissi wkoll dwar il-kondotta tiegħu.

Stqarrija ta’ Tottenham qalet li l-plejer ammetta li l-azzjonijiet tiegħu ma kinux flokhom iżda wkoll ma kinux ta’ theddid. F’kummenti lejliet il-konfront ta’ Tottenham, il-manager Josè Mourinho rrifjuta li jikkumenta iżda kkonferma li l-klabb mhux se jappella s-sospensjoni.