Il-Ministru Michael Farrugia kien kważi se jikkonferma li l-Kabinett Laburista approva l-kuntratti li saru bejn il-Gvern Malti u Vitals Global Healthcare biex din il-kumpanija privata tieħu f’idejha tliet sptarijiet pubbliċi. Iżda kellu jintervjeni l-Prim Ministru Robert Abela fil-ħin biex iwaqqaf lill-Ministru tiegħu milli jitfa’ r-responsabbiltà fuqu u fuq sħabu stess.
Il-Ministru Farrugia kien mistoqsi minn NET News wara li l-eks Ministru Konrad Mizzi kiteb fuq Facebook li “il-kuntratti li ġew iffirmati kienu approvati mill-Kabinett tal-Ministri….li approva kull kuntratt iffirmat.
Fi kliem sempliċi – il-kundanna tal-Awditur Ġenerali fir-Rapport li kien ippubblikat it-Tlieta hija kundanna għall-Gvern kollu ta’ Robert Abela.
Net News staqsa lil Michael Farrugia jekk il-ftehim tal-VGH kienx diskuss f’kull livell fil-Kabinett, b’Farrugia kapaċi biss iwieġeb li d-diskussjonijiet li kienu għaddejjin fil-Kabinnet huma “affarijiet tal-Kabinett”.
Konrad Mizzi kien qed jirreaġixxi għar-rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, li kkundanna lill-Gvern Laburista għall-mod kif sar il-ftehim dwar it-tliet sptarijiet.
Bil-Prim Ministru ILLUM qed jgħid li ma jemminx lil Konrad Mizzi, iżda lill-Awditur Ġenerali. U jibgħatna nfittxu dak li qal l-Awditur fil-ħames kapitlu tas-sommarju, ippubblikat it-Tlieta.
Fil-fatt, preċiżament f’punt 5.2.10, l-Awditur Ġenerali jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh biex jgħaddilu kopja tal-ftehim.
U dan, itenni l-Awditur Ġenerali, jikkonfmerma wkoll ir-relazzjoni kontroversjali bejn il-Gvern u l-Vitals wara l-konċessjoni mogħtija. Dan kollu jitfa’ l-akbar dubju dwar il-validità tal-konċessjoni għax juri li ftehim kien maqbul minn qabel b’intenzjoni superfiċjali…u b’konfoffa mal-Gvern Laburista.
Sadanittant, il-Prim Ministru ma kienx kapaċi jwieġeb jekk għalih, dak li sar ma’ Steward hux the real deal. Fil-fatt, hu kkonferma li mhux sodisfatt bis-servizz kollu.
Meta fakkarnih li kien propju d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li qal li dak li sar ma’ Steward kien “the real deal”, Abela bagħatna nistaqsu lil Fearne.
Ir-Rapport tal-NAO fuq l-isptarijiet, li issa jinsabu f’idejn Steward, ikkonferma li l-kumpanija Vitals kellha tkun skwalifikata saħansitra milli titfa’ l-offerta, għaliex sa minn qabel ħareġ it-tender kien hemm ftehim sigriet li kkonfoffaw dwaru mal-Gvern .
//= $special ?>