Għawdex Lokali

Il-Konsagrazzjoni ta’ Mons. Anton Teuma se ssir fit-13 ta’ Settembru

Il-motto tal-Isqof se jkun “U baqa’ miexi magħhom”

Il-Liturġija tal-KONSAGRAZZJONI EPISKOPALI u l-INGRESS SOLENNI se tinżamm fil-Katidral tar-Rabat Għawdex il-Ħadd 13 ta’ Settembru, fil-5.30pm. Din iċ-ċerimonja se titmexxa minn Mons. Mario Grech, Amministratur Appostliku għal Għawdex.

Bi tħejjija, se tinżamm VELJA TA’ TALB fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali talMadonna Ta’ Pinu, l-Għarb, nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru, fit-8.00pm, li titkompla b’lejl ta’ adorazzjoni Ewkaristika fil-Bażilika.

Il-Knisja f’Għawdex se trodd ħajr lil Alla għall-ministeru episkopali ta’ Mons. Mario Grech bħala Ragħaj spiritwali tagħha permezz ta’ KONĊELEBRAZZJONI SOLENNI TA’ RADD IL-ĦAJR fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar is-Sibt 5 ta’ Settembru, fis-6pm.

Il-motto magħżul biex idawwal il-ministeru episkopali tal-Isqof Anton Teuma hu meħud mill-Vanġelu skont San Luqa, kapitlu 24, vers 15: “U baqa’ miexi magħhom”, b’riferenza għall-ġrajja tal-laqgħa ta’ Ġesù maż-żewġ dixxipli fit-triq lejn Għemmaws.

Dan il-motto se jagħmel ukoll parti mill-istemma tiegħu.
Fis-silta naqraw li Ġesù Rxoxt resaq lejn iż-żewġ dixxipli u kompla jakkumpanjahom filmixja tagħhom, huwa u jfissrilhom x’kienet tgħid l-Iskrittura fuqu. Hekk, minn “barrani” sar wieħed ta’ ġewwa u “daħal biex joqgħod magħhom” u qasam l-Ewkaristija.

Dan il-motto b’xi mod jikkumplimenta dak li l-Isqof Mario Grech kien għażel mill-istess silta evanġelika għall-episkopat tiegħu: “Fil-Qsim tal-Ħobż”.

Fi kliem l-Isqof-maħtur, “il-Mulej Ġesù huwa l-istess Alla magħmul bniedem li jieħu fuqu nnatura umana biex isir wieħed minn fost ulied il-bnedmin. Huwa jimxi bħal pellegrin malbnedmin anki fit-triq lejn Għemmaws, jiġifieri fid-direzzjoni opposta għal Ġerusalemm, ’il bogħod minn dak li hu l-istess bniedem. F’din il-mixja huwa jdawwal lill-bnedmin bil-Kelma
li ssir fanal għal riġlejhom, waqt li jwassalhom ukoll għall-Ewkaristija, li l-komunità li temmen – il-Knisja – tgħix fiċ-ċelebrazzjoni liturġika u ssarraf fl-esperjenza konkreta ta’ ħajja mogħtija għall-oħrajn. Għalhekk, il-laqgħa ta’ Ġesù mal-bnedmin kapaċi tbiddlilhom id-direzzjoni u jerġgħu lura lejn Ġerusalemm”.

Bl-għażla ta’ dan il-motto, ir-Ragħaj spiritwali l-ġdid tad-Djoċesi ta’ Għawdex jixtieq iwassal l-“aħbar tajba” li Ġesù dejjem lest li jimxi mal-bniedem fl-ispirtu tas-smigħ, tal-akkoljenza, tal-komprensjoni, tal-imħabba u tat-tama tal-ħelsien lil kull persuna, hi min hi. Dan huwa jagħmlu b’empatija, akkumpanjament u entużjażmu.