Internazzjonali Lokali

Il-Parlament Ewropew se jibqa’ jkun ta’ spalla mal-kmamar tal-aħbarijiet Maltin li jkunu mhedda – David Casa

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa

F’ittra lir-rappreżentanti legali ta’ Turab Musayev, ir-rappreżentant ta’ SOCAR u s-sid ta’ kumpanija nvoluta fil-ftehim korrott tal-Montenegro, l-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa kkundanna t-theddid kontra l-kmamar tal-aħbarijiet Maltin, u nsista li dan it-theddid jitwaqqa’ minnufih.

Fl-ittra, li qed tiġi mehmuża ma’ din l-istqarrija, l-MEP Casa nsista li jekk dan it-theddid ma jitwaqqax, ma jkun hemm ebda għażla oħra ħlief li s-sitwazzjoni teskala. “Il-gravità ta’ dan il-każ twassal għall-użu ta’ kull pjattaforma li teżisti fl-istituzzjonijiet Ewropew biex jitwaqqaf dan it-theddid lill-midja liberà u kontra d-demokrazija.”

L-MEP Casa, li qed iżid il-pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi Direttiva kontra l-iSLAPP, qal li “sakemm tidħol din il-liġi, se ssib il-Parlament Ewropew spalla ma’ spalla mal-kmamar tal-aħbarijiet li qed jiġu mhedda u intimidati minn dawk li jkunu investigaw kif ukoll mir-rappreżentanti legali tagħhom.”

Fl-ittra tiegħu lir-rappreżentanti legali tas-SOCAR, David Casa rrefera għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. “Ninnota bi tħassib li s-sustanza ta’ dan il-każ hi marbuta mal-ħidma investigattiva tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet biex ma tikxifx każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus.”