Lokali

“Insaħħaħ ir-rieda tiegħi kontra Gvern korrott, b’obbligu lejn il-poplu” – Adrian Delia

“Se nkompli nahdem iktar minn qatt qabel”. Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat waqt il-programm Magħkom fuq Net Television.

Mistoqsi minn Louise Tedesco, hu wiegħed lit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista li mhux se jabbandunahom. Adrian Delia qal li xogħlu hu li jgħaqqad imma fl-istess waqt qal li hu qiegħed fil-politika biex iservi u se jibqa’ jaħdem biex il-PN ikompli jkun il-Partit tan-nies. Fl-istess waqt, hu wissa li mhux se jittollera li ssir ħsara apposta lill-Partit Nazzjonalista.

Fakkar kif sar ħafna xogħol fil-Partit, fosthom l-iktar riforma komprensiva fl-Istatut f’dawn l-aħħar 40 sena kif ukoll il-ħolqien tal-gruppi ta’ ħidma magħrufa bħala ‘clusters’ bil-għan li jkunu preżentati proposti u ideat fuq kull qasam li hu ta’ interess għan-nies.

Dan fl-isfond tal-isfidi kbar li għandu quddiemu l-pajjiż hekk kif qed jidher li l-prezz li se jkollu jħallas il-poplu Malti għall-iskandli li fnew il-Gvern Laburista se jkun wieħed kbir.

Waqt l-intervista, hu rrefera għar-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt ma’ Vitals. Adrian Delia qal li qatt ma ra rapport b’lingwaġġ ta’ kundanna daqs dan min-naħa tal-Awditur Ġenerali.

Il-Kap tal-PN qal li ma kull ġurnata li Robert Abela qed jonqos milli jiddeċiedi, din tiswa lill-poplu kwart ta’ miljun ewro, jew €7.5 miljun kull xahar. Mistoqsi għall-iskuża li qed iġibu l-esponenti tal-Gvern Laburista li l-prezz politiku tħallas għax Konrad Mizzi tkeċċa, Adrian Delia qal li l-prezz reali ta’ dan id-deal maħmuġ għadu qed jitħallas ta’ kuljum mill-poplu Malti.

Ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma u jsaħħaħ dak li qed jesponi Adrian Delia fil-kawża li fetaħ fil-Qorti sabiex l-Isptarijiet Pubbliċi jintraddu lura lill-poplu. Iżda l-Gvern Laburista hu maħkum minn klikka u kull jum ta’ indeċiżjoni mill-PM qed tiswa lill-poplu Malti miljuni ta’ ewro.

Hu sejjaħ għal investigazzjoni f’kull deal fejn kienu nvoluti Nexia BT, Konrad Mizzi u Joseph Muscat.

Adrian Delia ċaħad li r-rapport li għamel lill-Pulizija dwar l-allegati chats ma’ Yorgen Fenech fuq Whatsapp kien xi attakk fuq il-ġurnaliżmu. Iżda qal li l-informazzjoni ingħatat lill-ġurnal b’mod illegali u dan għandu jiġi investigat. Il-Kap tal-PN reġa tenna li lil Yorgen Fenech ma jafux u ma kienx hemm kuntatt miegħu.

Hu jittama li l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li Fenech xaħħam biex allegatament hu jaħdem biex kandidat tal-PN ma jitlax fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tintemm bl-istess ħeffa li ntemmet inkjesta fil-konfront tal-Prim Ministru u l-Kabinett dwar traġedja tal-immigranti f’Jum l-Għid, li kienet tlestiet f’temp ta’ xahar.

https://studio.youtube.com/video/9rnrgshVEaA/edit