Coronavirus Sport Sport Ieħor

Ir-Ryder Cup posposta b’sena minħabba l-Covid-19

(Ritratt: EPA)

L-edizzjoni ta’ din is-sena tar-Ryder Cup ġiet posposta b’sena kawża tal-pandemija tal-coronavirus, minħabba li l-avveniment ma jistax isir b’mod sigur bl-ispettaturi preżenti. Il-logħba bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa kienet skedata li ssir f’Whistling Straits, Wisconsin bejn il-25 u s-27 ta’ Settembru. B’dan il-posponiment, l-avveniment hu skedat għal bejn l-24 u s-26 ta’ Settembru tal-2021.

Il-Kap tal-PGA Amerikana Seth Waugh qal li l-ispettaturi jagħmlu l-avveniment uniku u għalhekk ma kinitx għażla realistika li jsir. Il-golf professjonali tal-irġiel fl-Istati Uniti kompla mingħajr spettaturi iżda l-plejers qalu li kompetizzjoni importanti bħar-Ryder Cup ma għandix issir mingħajr spettaturi.

Il-proċess ta’ kwalifikazzjoni biex ikun magħżul it-tim Ewropew se jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla. L-edizzjoni li jmiss tar-Ryder Cup fl-Ewropa tmexxiet ukoll b’sena u mistennija ssir f’Ruma fl-2023.