Lokali

Jitolbu l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra s-SLAPP f’Malta

Il-libertà tal-informazzjoni għandha tiġi protetta akkost ta’ kollox

Il-Moviment Graffitti kkundanna mingħajr riżervi l-użu ta’ kawżi SLAPP (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika) li bihom qed jiġu mhedda ħames organizzazzjonijiet tal-midja Maltin wara li rrapportaw fuq l-iskandlu tal-park eoliku fil-Montenegro.

Dan l-iskandlu wassal sabiex individwi privati jistagħnew minn fuq dahar il-pubbliku.

Dawn il-kawżi, skont Graffiti, jammontaw għal attentati vili sabiex isikktu l-midja, u jmorru kontra l-etika ta’ demokrazija b’saħħitha. Dawn il-kawżi mhumiex kawżi maħsuba biex jintrebħu, iżda huma att ta’ intimidazzjoni bla skrupli bl-għan li jinkisbu rimedji sproporzjonati filwaqt li jintużaw ħafna metodi diversi biex jogħlew l-ispejjeż legali.

Dawn il-kawżi jiġu miġġielda permezz tal-flus, mhux tal-integrità jew ir-raġuni.

Turab Musayev għandu ħafna x’jaħbi. Kien kodirettur tal-Electrogas sal-11 ta’ Diċembru 2020, ġimagħtejn biss wara li kodirettur ieħor, Yorgen Fenech, ġie arrestat f’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iktar minn dan, huwa s-sid tal-kumpanija tas-Seychelles li xtrat park eoliku fil-Montenegro u bigħetu lill-Enemalta għal tliet darbiet il-prezz oriġinali ġimgħa wara.

Graffiti fakkru li isem Musayev spiss jidher fil-midja minħabba skandli bħal dawn. Għalhekk, hu qabbad aġenzija legali mir-Renju Unit sabiex jibgħat ittri legali lill-organizzazzjonijiet tal-midja Maltin u jheddidhom b’kawżi fil-qrati Ingliżi.

F’xenarju tal-midja fejn il-pubblikazzjonjiet diġà qed jissaraw għas-sopravvivenza tagħhom, il-ħtieġa ta’ vvjaġġar lejn pajjiż ieħor, it-tqabbid ta’ avukati barranin bi prezz għali, u l-ammont enormi ta’ ħin li jintuża fuq storja waħda spiss iġiegħlu lil dawn l-organizzazzjonijiet jirtiraw l-istejjer tagħhom. B’hekk il-pubbliku jibqa’ mingħajr informazzjoni u ħjiel dwar x’inhu għaddej.

Dan fil-fatt seħħ fl-2017, meta Henley & Partners, il-kumpanija li tbigħ il-passaporti Maltin lis-sinjuruni, kisbet dak li riedet bi SLAPP fuq bosta organizzazzjonijiet tal-midja Maltin.

Graffiti jinsistu li dan mhuwiex aċċettabbli.