Lokali

L-IĠM jikkundanna kull theddid permezz tas-SLAPP u jitlob laqgħa urġenti mal-Gvern

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed jitlob laqgħa urġenti mal-Gvern biex jinstab mod kif ir-raba’ pilastru tad-demokrazija – il-ġurnaliżmu – jista’ jkun protett minn theddid bħalma huma azzjonijiet legali magħrufa bħala SLAPP.

Din it-talba saret wara li numru ta’ organiżazzjonijiet lokali tal-media irċivew ittri legali ta’ theddid li fihom intalbu biex jikkumpensaw lil Turab Musayev. L-IĠM u l-kmamar tal-aħbarijiet konċernati, kif ukoll kmamar tal-aħbarijiet lokali oħra li qed juru appoġġ lil sħabhom milquta minn dawn l-azzjonijiet, ingħaqdu flimkien biex jikkundannaw dan it-theddid.

“Dan it-theddid mhux aċċettabli f’pajjiż verament demokratiku u għalhekk l-IĠM qed jitlob laqgħa urġenti mal-Ministru responsabbli biex jinstab mod kif id-demokrazija tista’ tkun salvagwardata. Il-Gvern għandu opportunità unika biex jappoġġja l-liberta’ tal-kelma. It-theddid bis-SLAPP mhux se jintimida lill-ġurnalisti Maltin milli jkompli jfittxu l-verità u lġustizzja dwar diversi każi ta’ korruzzjoni, l-iskandli kbar li seħħew f’Malta u l-assassinju
tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”, qalet Sylvana Debono, il-President il-ġdid tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

“Għall-ewwel darba, il-meda lokali ġiet flimkien, magħquda mill-valuri tal-integrità u d-dritt tal-libertà tal-espressjoni, biex tiġġieled dan it-theddid legali li għandu biss l-iskop li jsikket u jintimidaha. It-theddid lill-organiżazzjonijiet tal-media permezz ta’ kawżi internazzjonali, mhux il-mod kif titkellem mal-ġurnalisti biex tagħtihom xi spjegazzjoni u dawn il-metodi se jkunu miġġielda bil-forzi magħquda tagħna lkoll”, żiedet tgħid il-President.

Sfond tal-istorja

Musayev hu l-kap ta’ Socar LNGTrading li ssemma mill-aġenzija tal-aħbrijiet Reuters bħala sid il-kumpannija Cifidex, li kienet involuta fil-kuntratt kontroversjali dwar il-wind farm ta’ Montenegro li fih hi nvoluta l-Enemalta. Ismu ssemma f’xiehda fil-Qorti fl-Inkjesta Pubblika li qed issir b’konnessjoni mal-assassinju ta Daphne Caruana Galizia.

Dan ir-rappurtaġġ hu protett minn azzjonijiet legali.