Lokali Qorti Qtil Politiku

Lawrence Cutajar imsejjaħ mid-difiża ta’ Yorgen Fenech biex jixhed

Jagħżlu lil Melvin Theuma u Keith Arnaud biex jixhdu ukoll fil-kumpilazzjoni tal-kawża kontra l-allegat kompliċi fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia

L-eks Kummissarju Lawrence Cutajar issejjaħ mid-difiża legali ta’ Yorgen Fenech biex jixhed fil-kumpilazzjoni tal-kawża kontra l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia.

Din il-mossa tad-difiża legali ta’ Fenech li ssejjaħ mhux biss lil Cutajar iżda miegħu anki lix-xhud tal-istat, Melvin Theuma, kif ukoll lill-Ispettur Keith Arnaud, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qabel ma ġiet ippreżentata l-evidenza kollha fil-kumpilazzjoni hija waħda rari u mhux mistennija

Din se tkun l-ewwel dehra fuq il-pedana tax-xhud tal-eks-Kummissarju, Lawrence Cutajar, waqt il-kumpilazzjoni fil-kawża kontra Fenech.

Fl-applikazzjoni li daħlu Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca l-ġimgħa l-oħra u li ġiet milqugħa mill-Imħallef Aaron Bugeja, huma applikaw proċedura li hija relatata mal-eżaminar mill-ġdid tax-xhud jew eżami ta’ xhieda ġodda fuq talba tal-Avukat Ġenerali.

B’hekk, l-Avukat Ġenerali se jsejjaħ lil dawn ix-xhieda sabiex jiġu kontro-eżaminati f’data li għad trid tiġi stabbilita.

Il-kumpilazzjoni f’din il-kawża mistennija tkompli tinstema’ nhar il-Ħamis 30 ta’ Lulju li ġej