Lokali Parlament

Malta jeħtieġ tnaddaf ir-reputazzjoni ħażina li ġabilha l-gvern

Krisry Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono appellat biex Malta ittejjeb ir-reputazzjoni internazzjonali; liema erputazzjoni kissirilha l-gvern Laburista.

Fil-parlament hi qalet li l-Oppożizzjoni m’għandniex issues li l-liġi tipprovdu għal garanzija minn Malta biex tkopri s-self li jista’ jsir lil pajjiżi minħabba l-Covid 19. Għalhekk żgur li nivvutaw favur din il-liġi.

Bħala kelliem f’isem l-Oppożizzjoni għal Fondi Ewropej nistenna u neżiġi rendikont kontinwu tal-isforzi tal-gvern fin-negozjati dwar il-bagit Ewropew.

Malta jeħtieġ li tinfluwenza n-negozjati b’mod li dawn ma jaffetwawx ħażin il-mudell ekonomiku tagħna u b’mod partikolari l-industriji tas-servizzi inkluż dawk tal-gaming u servizzi finanzjarji.

Il-Partit Nazzjonalista kemm il-darba ħass li għandna bżonn niġbdu l-attenzjoni fuq realtà tas-settur tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, settur li tħalla jsofri ġrieħi kbar fir-reputazzjoni tiegħu minn gvern Laburista. Nappella biex nieħdu t-twissijiet internazzjonali malajr kemm jista’ jkun.

Kristy Debono kompliet li s-settur tas-servizzi finanzjarji huwa pilastru tal-ekonomija f’pajjiżna, li jipprovdi għal 6% tal-valur miżjud u li jħaddem aktar minn 12,000 persuna, kważi 5% tal-impjiegi f’Malta.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija, dan is-settur, flimkien ma’ servizzi oħra bħall-gaming forsi jħossu daqsxejn inqas id-daqqa ekonomika, huma aktar reżiljenti milli ngħidu aħna t-turiżmu. Għalhekk jeħtieġ li tittieħed azzjoni bis-serjetà.

Mal-bidla fil-Gvern fl-2013, pajjiżna qabad triq tan-niżla fis-servizzi finanzjarji li laħqet l-apiċi tagħha b’għadd ta’ skandli fl-2018 u 2019 u li involvew numru ta’ nies prominenti fl-amministrazzjoni tal-gvern Laburista.

Iċ-ċanfira tal-Moneyval, tas-sena l-oħra, ma ġietx mix-xejn.Dwar ir-rapport Moneyval, Kristy Debono qalet li dan wassal biex f’Settembru li għadda, pajjiżna, jaqla’ tidrisa bla preċedent mingħand il-Moneyval, l-aġenzija tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħasil tal-flus.

Rapport li ħammeġ wiċċ pajjiżna għaliex jesponi mhux biss il-fatt li pajjiżna mhux ippreparat biex jiġġieled il-pjaga tal-ħasil tal-flus iżda anke meta jinstabu l-provi meħtieġa li dan qed iseħħ, l-awtoritajiet ikkonċernati ftit juru rieda li jinvestigaw dawn il-provi biex iwasslu għall-ġustizzja lil min hu kkonċernat. Ir-rapport isostni li l-awtoritajiet m’humiex f’pożizzjoni, għal diversi raġunijiet, li jinvestigaw każijiet ta’ offiżi finanzjarji, tixħim u korruzzjoni.

Moneyval ipoġġi dubji fuq l-impenn tal-Gvern li jiġġieled il-ħasil tal-flus. Tant illi fil-konklużjonijiet tar-rapport jingħad li “l-investigazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus ma jidhrux li huma prijorita’ għall-awtoritajiet Maltin”.

Barra minn hekk, il-Moneyval f’dan id-dokument dettaljat ta’ 200 pagna jinnota li l-Pulizija f’każi rari tmexxi fuq rapporti maħruġa mill-FIAU. Skont dan ir-rapport, investigazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus mhumiex in regola mal-profil għoli ferm ta’ riskju u mat-tkabbir u l-kumplessità tas-settur finanzjarju.

Dan kollu jagħti daqqa ta’ ħarta lil snin twal ta’ sagrifiċċji mill-istakeholders kollha biex nibnu ġurisdiszzjoni finanzjarja ta’ reputazzjoni tajba. Dan kollu qed ikollu riperkussjonijiet fuq diversi kumpaniji ġenwini. Fid-dawl ta’ dawn l-iskandli kollha, huma bosta l-istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżna li issa qed jieħdu miżuri li forsi kultant huma estremi, biex jassiguraw ir-reputazzjoni tagħhom. Dan qed iwassal biex bosta kumpaniji leġittimi ma jsibux bank ma’ min joperaw. Dan qed ixekkel ukoll l-isforzi ta’ pajjiżna li jattira negozji ġodda. Kienu ħafna wkoll negozji li tkellmu magħna u li qalulna li kuntatti barranin ma riedu xejn aktar x’jaqsmu ma’ pajjiżna.

Iżda dak kien eżami li għamilna sena ilu u m’għaddejnix.

Imma l-Moneyval kienet ħienja magħna. Ma poġġietnix fuq lista s-sewda mill-ewwel iżda tatna sena ċans to get our house in order.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li regolarment isiru stqarrijiet u dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet u l-politiċi involuti li kollox, f’daqqa waħda miexi fuq ir-rubini, li sirna fost l-aqwa kif niddealjaw mal-ħasil tal-flus.

Iżda x’qed jgħidu hemm barra fuqna, mill-Moneyval ‘l hawn?

Fi Frar 2020 il-Financial Secrecy Index 2020 rrapporta li Malta titla’ fir-raba’ post bħala l-aktar ġurisdizzjoni sigrieta fl-UE.

Alan Cobham, Kap Eżekuttiv tat-Tax Justice Network, jgħid hekk: Il-Gvern Malti qed jaffronta kriżi ta’ leġittimità. Huwa ddeskriva lill-pajjiżna bħala wieħed li moħħu biex jiġri wara flus maħmuġin, f’dik li hu ddeskriva bħala race to the bottom.

Ir-rapport importanti tal-Economist Intelligence Unit Annual Index iddeskriva l-istat tad-demokrazija Maltija bħala flawed democracy. Malta kienet ilha mill-2006 fil-kategorija full democracy. Malta kienet l-unika pajjiż minn 167 fir-rapport li niżlet mill-kategorija full għall-flawed.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet ir-Rapport tal-IMF ta’ April 2020 u qalet li minkejja li diġà għaddew seba’ xhur mit-terminu ta’ sena li l-Kunsill tal-Ewropa, permezz tal-Moneyval, ta lill-pajjiżna biex jirranġa s-sitwazzjoni prekarja fil-qasam tal-ħasil ta’ flus, il-Fond Monetarju Internazzjonali reġa’ wissa li jekk pajjiżna se jibqa’ ma jindirizzax in-nuqqasijiet deskritti bħala notevoli fir-rigward tal-ħasil ta’ flus, dan se jkun ta’ theddida għall-istabbilità finanzjarja ta’ Malta. Il-possibbiltà li Malta tispiċċa fuq il-lista l-griża jekk ma tieħux l-azzjonijiet meħtieġa, jista’ jkollu impatt fuq l-ekonomija u l-impjiegi ta’ pajjiżna – dan fi kliem l-IMF.

L-istess rapport jesprimi dubji fuq l-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżna li jindirizzaw din l-isfida bis-serjetà, aktar u aktar meta pajjiżna qed jipprova jattira lejn xtutna negozji meqjusa aktar riskjużi li joperaw fil-qasam ta’ assi virtwali u prodotti simili

Krisy debono sostniet li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea – Country Specific Recommendations (Mejju 2020) hu rapport ippubblikat propju f’Mejju ta’ din is-sena li fih il-Kummissjoni tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-ekonomiji tal-pajjiż. Bla tlaqliq, waħda minn erba’ proposti prinċipali, erġajna, ħasil ta’ flus. Ir-rapport jgħid li Malta għandha sfida kbira biex tinvestiga u tressaq quddiem il-ġustizzja dawk involuti fil-ħasil ta’ flus.

Is-superviżjoni ta’ entitajiet finanzjarji li joperaw ma’ barra, għadha batuta. Il-kunċett ta’ risk management fil-qasam bankarju għadu mhux adegwat. Il-Kummissjoni tesprimi t-tħassib tagħha għad-deċiżjoni tal-MFSA li tuża konsulenza privata biex twettaq dmirijiet superviżorji.

L-aħħar rapporti internazzjonali jitfgħu dubju dwar kemm sar progress. Fadal ftit biex nerġgħu npoġġu għall-eżami. X’qed jagħmel il-Gvern biex ma jipperikolax aktar dan is-settur u l-impjiegi li jġib miegħu?

Fadlilna ftit ġimgħat biex naraw li ssir ġustizzja mal-eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin li jiddependu minn dan is-settur tal-gaming, tas-servizzi finanzjarji, r-retail, s-settur tas-servizzi u verament nittama li pajjiżna huwa preparat daqs kemm qiegħed juri li hu konvint li ngħaddu dan l-eżami tal-Money val tant u tant importanti u ma nispiċċawx fil-lista l-griza tal-FATF – il-Financial Action Task Force for Money Laundering.

Pajjizna ma ħaqqux ikun mal-15-il pajjiz li fi Frar ta’ din is-sena ġew ikkonfermati fil-lista griza – pajjiżi bħall-Jemen, il-Panama, il-Kambodja u l-Uganda. Pajjiżna ma jixraqlux ikun l-ewwel pajjiz Ewropej li tħammeġ u ntrema f’din il-lista. Pajjiżna jixraqlu aħjar.

Konvinta, li jekk verament irridu nieħdu d-deċizjonijiet li għandhom jittieħdu, biex innadfu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, sostniet Kristry Debono.